B’investiment ta’ €600,000 fil-Pitkalija ġiet installata magna moderna u avvanzata għall-ħasil, l-għażla, u l-gradazzjoni tal-patata u l-basal, skont id-daqs. B’dan l-investiment se jkun possibbli wkoll ippakkjar xieraq li jiżgura l-freskezza u preżentazzjoni aħjar għal dawn il-prodotti lokali.
Meta inawgura dan il-proġett, li sar bejn il-Malta Food Agency u l-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, qal li dan l-iżvilupp se jkompli jgħolli l-kwalità tal-prodott lokali u li ġej mill-għelieqi tal-bdiewa Maltin u Għawdxin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, ikkummenta li l-Aġenzija qed tkun katalista biex jinħolqu u jissaħħu relazzjonijiet li jwasslu għal proġetti ġodda bejn il-partijiet interessati, li jwasslu għall-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u jiġu identifikati swieq u opportunitajiet differenti.
“Aħna kommessi li nibqgħu naħdmu id f’id mal-koperattivi, mal-bdiewa, mar-raħħala, u mas-sajjieda biex flimkien inwasslu prodott tal-ikel lokali ta’ kwalità u ta’ valur fi swieq differenti,” qal is-Sur Vella.