Fl-istazzjon tal-Protezzjoni Ċivili fix-Xemxija l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri, ħabbar investiment ta’ €600,000 fi tliet stazzjonijiet tal-Protezzjoni Ċivili.
Dan l-investiment jinkludi l-espansjoni ta’ wieħed mill-istazzjonijiet li għandu d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila, spjega kif dan l-investiment huwa frott konsultazzjoni mal-Gvern f’Mejju tas-sena l-oħra u għalhekk faħħar l-azzjoni immedjata tal-Gvern.
Stqarr li din mhijiex l-ewwel darba li l-Gvern ħa azzjoni fuq il-ħtiġijiet ta’ dan id-dipartiment fi żmien qasir.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri qal kif li l-Gvern ikun spalla ma’ spalla mal-Protezzjoni Ċivili mhijiex okkażjoni rari, u għalhekk hija possibbli li dan id-dipartiment jikber u jiżviluppa maż-żmien.
Il-Ministru spjega li wara li l-Gvern investa fl-apparat u l-ħaddiema ta’ dan id-dipariment, issa kien imiss l-istazzjonijiet wara konsultazzjoni bejn l-istess dipartiment u l-Gvern. Huwa sostna li l-meta l-Gvern jinvesti f’għodda ġodda għall-Protezzjoni Ċivili, igawdi wkoll il-poplu Malti għaliex id-dipartiment ikun jista’ jaqdi dmiru b’mod effiċjenti u fil-ħin.