Il-Gvern se jinvesti €600,000 biex l-Istitut tat-Teknoloġiji tal-Ajru fl-Università ta’ Malta jwettaq proġett ta’ riċerka u innovazzjoni fl-avjazzjoni nazzjonali. Dan il-proġett se jinvolvi riċerka biex ikun hemm aktar sigurtà fl-ajru, effiċjenza u tnaqqis fit-tniġġis.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti.

Il-Professur Universitarju David Zammit Mangion spjega x’se jikkonsisti dan il-proġett ta’ riċerka.
“Dan il-proġett ħa jiffoka fuq l-użu tad-dejta li jittieħdu minn fuq l-ajruplan, dak li jgħidulu flight data monitoring, u ħa nużaw din id-dejta, li hu mandatorju għal kull linja tal-ajru li tara x’qed jiġri fuq l-ajruplan għall-fini ta’ sigurtà. Aħna se nieħdu din is-sitwazzjoni oltre biex naraw kif infittxu kif se ntejbu s-sigurtà, anke biex intajru l-ajruplan aktar mod effiċjenti u joħloq inqas tniġġis fl-ambjent.”
David Zammit Mangion, Professur L-Universita
Hu kompla jispjega li, fl-Università, se jiġi installat simulatur ta’ ajruplan fuq il-mudell tal-Airbus A320, li hu l-istess mudell użat mil-linja nazzjonali tal-ajru. Dan se jintuża mill-industrija, fosthom għat-taħriġ.

Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti nnota l-importanza ta’ dan il-proġett ta’ riċerka, f’settur tant importanti li wkoll qed joffri karrieri tal-ogħla kwalità.
“Is-settur u l-industrija tal-avjazzjoni hi waħda importanti ħafna għal pajjiżna. Għalhekk aħna, bħala Gvern, ħassejna l-bżonn, ħassejna l-ħtieġa, li ninvestu f’dan is-settur, speċjalment fejn tidħol riċerka u l-innovazzjoni biex ikun offrut lill-ħaddiema u lill-istudenti tagħna l-aqwa għodda fejn tidħol it-taħriġ tagħhom.”
Keith Azzopardi Tanti Segretarju Parlamentari
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll il-Pro Rettur tal-Università, il-Professur Simon Fabri, u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-KM Malta Airlines, David Curmi.