Il-Gvern ħabbar finanzjament ta’ sittin elf ewro f’kors għal erbgħa u għoxrin tifel u tifla b’diżabilità, fosthom bil-kundizzjoni tal-awtiżmu.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li dawn it-tfal se jingħataw l-attenzjoni meħtieġa biex itejbu l-ħiliet tagħhom matul il-ġimgħat li ġejjin, filwaqt li jippreparaw ruħhom għas-sena skolastika li jmiss. Dan se jkun organizzat mill-għaqdiet Voice for Inclusion Gozo u Hand in Hand, u se jara li dawn it-tfal jimxu ‘l quddiem f’ħajjithom billi jintegraw, jipproggressaw u jħossuhom aktar inkluż fis-soċjetà.
Id-Direttur ta’ waħda mill-għaqdiet, Chris Vassallo spjega li permezz ta’ dan il-kors se tkun qed tingħata l-istess opportunità lill kull familja u lil uliehom.
Huwa qal, “Aħna onorati li ngħidu li pprovdejna dan is-servizz flimkien mal-Ministeru għal Għawdex u l-voice for Inclusion Association, li hija NGO bbażata f’Għawdex, dan is-servizz ta’ terapija ABA, avidence base thearapy għat-tfal tagħna.”
Il-Ministeru għal Għawdex Clint Camilleri spjega li f’Għawdex il-gvern qed jinvesti biex aktar żoni jsiru aċċessibbli, adegwati għal persuni b’diżabilità.
Huwa stqarr: “Qed noffru l-opportunità fejn kull familja li għandha tifel bl-awtiżmu, tista’ tiġi hawn u tieħu dan is-servizz mingħajr ma tħallas flus u għal daqs tant huwa pass importanti ħafna fejn kull familja għandha l-istess opportunitajiet u ma naraw lil ħadd fil-pajjiż tagħna is-soċjetà jaqa’ lura.”