L-Awtorità tad-Djar għamlet investiment ġdid ta’ €60,000 f’neuro-gym f’Dar Bjorn f’Ħaż-Żebbuġ.
Din il-faċilità tipprovdi appoġġ speċjalizzat lil individwi li jbatu minn diżabiltajiet newroloġiċi u toffrilhom triq lejn saħħa u kwalità ta’ ħajja aktar dinjituża.
Dan il-gym hu mgħammar bl-aqwa tagħmir ta’ fiżjoterapija u jipprovdi riabilitazzjoni u servizzi msaħħa bl-assistenza esperta ta’ fiżjoterapisti ċertifikati u jakkomoda 43 klijent.
Żar dan l-investiment il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabli Roderick Galdes, fejn enfasizza l-impenn tal-Gvern biex jitjiebu s-sistemi u l-faċilitajiet li joffru għajnuna soċjali u ta’ saħħa.
Qal, “Ċertament dawn huma l-investimenti li jtuna sodisfazzjon, għax fuq kollox nitkellmu fuq xi ħaġa soċjali importanti, għajnuna li tingħata sabiex persuna jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu.”
Tkellima wkoll ma’ resident li qed igawdi minn dan l-investiment.
Stqarr, “Jiena illum ninsab Dar Bjorn Ħaż-Żebbuġ. Grazzi għall-Ministeru tal-Housing u l-Awtorità tad-Djar, li sponsorjaw dan il-gym. Allaħares ma jkunux dan il-gym għalina, li hawnhekk speċjalizzat għalina. Ikollna il-fiżjoterapija u għandna l-makkinarju, li għalina tiswa ħafna ta’ għajnuna.”