Transport Malta ffinanzjat it-tiġdid ta’ numru ta’ radars f’siti strateġiċi madwar Malta flimkien mal-bdil tal-hardware u s-software fiż-żewġ ċentri ta’ kontroll, permezz ta’ investiment qawwi ta’ €6 miljun, bħala parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern għas-sigurtà marittima.
Is-sistema magħrufa bħala VTS se tiżgura monitoraġġ sigur u effiċjenti tal-movimenti tal-bastimenti fl-ibħra Maltin.
B’siti tar-radar avvanzati u ċentri ta’ kontroll moderni, il-VTS għandha rwol importanti biex Malta żżomm l-istatus bħala ċentru marittimu ewlieni fil-Mediterran.
Iċ-ċentru tal-VTS f’Malta jieħu sehem b’mod attiv f’kollaborazzjonijiet internazzjonali ma’ pajjiżi ġirien biex itejjeb il-kordinazzjoni transkonfinali u r-rispons f’każ ta’ emerġenza.
Il-Ministru responsabbli Chris Bonett qal li dan l-investiment hu xhieda tal-impenn sod ta’ Malta biex timmodernizza s-settur marittimu tagħha.
“Ħa jkollna sistema aktar avvanzata teknoloġikament biex inkunu nistgħu nagħmlu l-monitoring li hemm bżonn, li s-sigurtà nħarsuha kif ukoll l-aspett ambjentali. Sistema li swiet il-flus, vera, ħa naraw li l-operazzjonijiet tal-port, kemm madwar mhux il-kosta tagħna biss, iżda anke l-ibħra territorjali tagħna, imma anke lil hinn minnhom, naraw li f’kull ħin u f’kull mument ikollna anke dik il-link mal-Armata biex naraw li pajjiżna jibqa’ l-ewwel nett sigur u t-tieni ħaġa jibqa’ fuq quddiem, f’dik li hi l-industrija marittima, li tant aħna kburin biha.”
Il-Ministru Chris Bonett
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Kurt Farrugia, qal li, b’dan l-investiment, l-awtorità se tkun tista’ tissorvelja aħjar l-ibħra Maltin.
“Transport Malta qed tinvesti €6 miljun f’apparat li jista’ jagħmel sorvelja aħjar ta’ pajjiżna, tal-ibħra tal-madwar, u dan b’kollabarazjoni mal-Forzi Armati ta’ Malta, fej qegħdin naraw li jkun hemm protezzjoni sħiħa tal-ibħra teritorjali ta’ pajjiżna u, b’hekk, inkunu qegħdin naraw li pajjiżna jkun b’saħħtu f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà, f’dak li qiegħed jiġri bl-opri tal-baħar li jkunu madwarna u anke fil-baħar territorjali.”
Kurt Farrugioa, Kap Eżekuttiv, TM
Dan il-proġett hu wieħed biss minn sensiela t’investimenti riċenti fis-settur marittimu.