Investiment ta’ sitt miljun u nofs ewro f’lukanda ewlenija fil-Mellieħa, issarraf f’disgħa u ħamsin kamra ġdida u rinovar maġġuri fl-estensjoni tal-binja tal-istess lukanda, li issa tinkorpora fiha tlett ikmamar ġodda u lussużi.
Il-proġett beda fl-elfejn u dsatax u baqa’ għaddej sa Ġunju ta’ din is-sena.
Il-kmamar ġodda huma mibnija fuq stil ta’ ċertu kumdità u bl-aħħar teknoloġiji li huma wkoll ħbieb tal-ambjent.
Fost l-oħrajn, minflok il-karta li tradizzjonamlent tiddendel mal-pum tal-bieb biex tindika jekk il-kamra hix lesta biex titnaddaf jew le, il-kmamar ġodda għandhom buttuna minn ġewwa li tixgħel b’kuluri differenti fuq barra skont il-bżonn.
Il-kmamar kollha għandhom l-arja kkundizzjonata u kontrolli tad-dwal ċentralizzati.
L-aktar kmamar lussużi fl-estensjoni tal-binja għandhom sular għalihom u jinkludu ċertu lussu, bħal żona sħiħa b’sufan u televiżjoni, u pixxina privata.
F’waħda minn dawn il-kmamar, id-Direttur ta’ Maritim Malta, Adrian Buttigieg tkellem dwar l-isfidi tal-pandemija imma qal li kull deni ħudu b’ġid, għaliex iż-żmien li l-lukandi kienu magħluqa ġab ukoll opportunitajiet biex ix-xogħol ikun tal-ogħla livell.
Qal, “Tinkwieta hux, mhux ma tinkwetax, imma mbagħad bdejna ngħidu, issa nibqgħu għaddejjin, mhux ħa nieqfu u kif tgħaddi l-pandemija, inkunu lesti għax-xogħol. Fil-fatt dis-sena x’ħin ftaħna, f’Ġunju, bdew ġejjin it-turisti, kellna sajf tajjeb ħafna konna mimlijin u għadna mimlijin sal-lum li huwa tajjeb ħafna.”
Żied jispjega li filwaqt li dawn il-kmamar huma mmirati li jattiraw turiżmu ta’ kwalità, anki l-Maltin saru jfittxu l-kumdità.
Spjega, “Ifittxuha ħafna speċjalment bħal daż-żminijiet. Dak li jkun jiġi jgħidlek, ara għandi l-pool qiegħed waħdi, jekk irid room service intellgħulu, qegħdin komdi. In-nies jieħdu pjaċir bil-kumdità.”
Bil-veduta pittoreska tal-Mellieħa fl-isfond, li tidher mill-gallariji ta’ dawn il-kmamar, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo qal li investiment bħal dan imur id f’id mal-viżjoni tal-Gvern li kull lokalità f’Malta u f’Għawdex tingħata l-ħajja.
Qal, “Fil-Mellieħa qegħdin inkomplu ninvestu fl-infrastruttura turistika, bħalma qegħdin nagħmlu f’diversi lokalitajiet oħra madwar Malta u Għawdex u għalhekk aħna nkomplu nimtlew b’iktar kuraġġ għaliex dan huwa ċertifikat ħaj għall-ekonomija ta’ pajjiżna u ċertifikat ħaj ukoll għar-reżiljenza li għandha din l-industrija.”