Elf, tliet mija u wieħed u disgħin persuna. Dan hu l-ammont ta’ persuni li, bejn l-elfejn u sbatax u l-elfejn tlieta u għoxrin, ġew mgħejjuna jsiru sidien ta’ djarhom wara li bbenefikaw minn skemi differenti tal-Awtorità tad-Djar għal dawk li kienu jeħtieġu l-għajnuna.
Rapport tal-awtorità b’analiżi dwar investimenti mill-Istat fuq ħames skemi differenti fuq dan il-perjodu ta’ sitt snin ikkonkluda li, b’hekk, kull jumejn, individwi jew familji fil-bżonn ingħataw saqaf fuq rashom.
Dan seta’ jkun possibbli grazzi għal injezzjoni ta’ tnejn u ħamsin miljun ewro mill-Gvern Laburista fl-iskemi li huma għal garanzija ta’ depożitu, qsim tal-ekwità, self soċjali, ‘New Hope’ u l-iskema ‘Sir Sid Darek’.
L-aktar skema popolari mill-elfejn u sbatax kienet l-iskema ‘Sir Sid Darek’, li tinkoraġġixxi residenti ta’ postijiet tal-Gvern jixtruhom waqt li jkomplu jgħixu fihom.
Ir-rapport jinnota wkoll kif il-popolarità tal-iskemi offruti mill-awtorità jiġu kkategorizzati fi tlieta, skont l-età, id-dħul annwali u l-istat ċivili tagħhom.
Biex wieħed jieħu dan f’kuntest, dawk li jkunu żgħażagħ sa 39 sena jibbenefikaw iżjed mill-iskemi ta’ ‘Garanzija ta’ Depożitu’, ‘Self Soċjali’ u ‘New Hope’, waqt li individwi bejn l-erbgħin u d-disgħa u erbgħin aktar jirrikorru għall-iskema tal-‘Qsim tal-Ekwità’.
Min-naħa l-oħra, dawk li jkollhom iżjed minn 60 sena jgawdu l-iżjed mill-iskema ‘Sir Sid Darek’, ladarba dawn storikament ikunu ilhom jgħixu f’postijiet tal-Gvern diġà għal għexieren ta’ snin.
Tkellimna mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli li fakkar ukoll kif Malta għandha rata akbar ta’ nies li huma sidien ta’ darhom, meta mqabbla mal-bqija tal-Ewropa, mhux l-inqas minħabba l-fatt storiku li, fis-snin l-imgħoddija u fl-aħħar ħdax-il sena, Gvernijiet Laburisti investew l-aktar f’dan il-qasam soċjali.
“Mill-elfejn u ħdax sal-lum, ħamsa u tmenin fil-mija tal-popolazzjoni saru sidien ta’ djarhom. Jidher li hemm żieda ta’ ħamsa fil-mija. Dan ifisser ukoll li aktar Maltin qed isiru sidien ta’ djarhom u dan huwa pass pożittiv.”
Lill-Ministru Galdes staqsejnih dwar it-triq ’il quddiem anke biex l-Awtorità tad-Djar tibqa’ toħroġ skemi bħal dawn li jgħinu individwi jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom.
“Dan ir-riżultat pożittiv se jkompli jitkattar, għax anke fix-xhur u s-snin li ġejjin se nkunu qed naħdmu biex ngħinu aktar il-familji li jagħmlu dik l-imbottatura u qabża biex huma jsiru sidien ta’ djarhom ukoll.”