Investiment ta’ €5,000,000 mill-Kumpanija Magro Brothers Group tħabbar waqt żjara li l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo għamel lil din il-kumpanija. Din is-sena Magro Brothers ser ikunu qed jiċċelebraw il-mitt sena mit-twaqqif tagħhom.
Anniversarju li jirrappreżenta pass importanti għall-ekonomija Għawdxija, għall-agrikoltura nazzjonali u setturi kummerċjali. Il-kumpanija għadha impriża ewlenija fl-industrija tal-agrikoltura Maltija u fil-promozzjoni ta’ prodotti lokali fis-swieq barranin.
Il-Ministru Refalo ġie mdawwar mal-fabbrika mid-diretturi John u Michael Magro. Is-sur John Magro spjega l-operat ta’ din il-kumpanija. Huwa tenna li propju fis-sena 1916, Ġanni Magro mix-Xewkija, li huwa n-nannu tiegħu, kien diġà stabbilit bħala general provision merchant, u istabilixxa d-ditta “Magro Brothers” bit-tlett uliedu bħala msieħba.
John Magro spjega kif mill-1977 kien il-bidu ta’ ġenerazzjoni ġdida fil-ġestjoni tan-negozju ta’ Magro Brothers.
Il-Ministru Refalo tenna li din il-kumpanija turi kemm l-istint intrapenditorjali tal-familja Magro wassal biex din il-kumpanija tkun ta’ suċċess għal dawn l-aħħar mitt sena. Huwa stqarr li l-mitt sena mixja ta’ storja tal-intrapriża stabbilità ta’ Magro Brothers ma kinitx vjaġġ faċli – is-suċċess tagħhom kien miksub permezz ta’ sforz, ħiliet, kuraġġ u innovazzjoni.