Investiment ta’ nofs miljun ewro mir-ristorant Diar il-Bniet, f’Ħad Dingli.
Ir-ristorant tal-familja Mifsud iservi ħafna ikel bnin u tradizzjonali Malti. Il-prodotti u l-ħxejjex u l-frott li jintużaw għat-tisjir tal-ikel ġejjien mit-tmenin tomna raba’ li għandha l-familja.
Diar il-bniet fetaħ il-bibien tiegħu tliet snin ilu u minħabba li joffri kunċett differenti minn restoranti oħrjan, sar attrazzjoni ewlenija f’Ħad Dingli kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti li jinzertaw f’din il-lokalità
Kien għalhekk li s-sidien ħassu l-ħtieġa li jagħmlu dan l-investiment.
Fis-sular ta’ isfel saret kċina apposta fejn il-pubbliku jkun jista’ jipparteċipa f’attivitajiet u jsajjar ikel tradizzjonali Malti.
Filwaqt li sar investiment f’forn li se jkun jista’ jservi ftira tipika maltija.
Diar il-bniet ħaseb li jinvesti wkoll f’tgħammir teknoloġiku, li permezz tiegħu kumpaniji lokali jistgħu jorganizzaw attivitajiet għall-impjegati tagħhom f’ambjent differenti.
Dorianne Mifsud waħda mis-sidien qalet li dan l-investiment wassal biex ir-ristorant jimpjega aktar ħaddiema kemm fuq bażi full time kif ukoll part-time.
L-investiment ġie inawgurat mill-Ministru għat-turizmu Konrad Mizzi , li spjega kif investiment bħal dan joffri aktar attrazzjonijiet lit-turisti waqt li jkunu qegħdin izuru l-lokalità ta’ Ħad Dingli fejn jispikka l-ġmiel naturali.