Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żar ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq iż-żewġ ħoloq prinċipali li jservu bħala dħul u ħruġ għal Ħaż-Żebbuġ. Dawn huma tnejn mill-aktar ħoloq li jaraw traffiku ta’ kuljum, speċjalment fil-ħinijiet peak ta’ filgħodu, sitwazzjoni li toħloq inkonvenjent kemm għak dawk l-utenti tat-toroq li jużaw din ir-rotta ta’ kuljum biex jaslu fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll għar-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ li jsibu r-roundabouts maħnuqin fiż-żewġ trufijiet tar-raħal tagħhom.
Għalhekk, il-Ministeru qiegħed jieħu l-inizjattiva li jwettaq investiment ta’ €0.5 miljun f’titjib ta’ din ir-rotta sabiex jittaffew dawn id-diffikultajiet u jitnaqqas id-dewmien. Il-proġett jinkludi d-disinn u l-bini mil-ġdid tar-roundabout tal-Bieb ta’ De Rohan u r-roundabout tal-iskola St. Dorothy’s, fejn l-ewwel waħda se tiġi mtejba b’bypass lanes bħala miżura biex jonqos id-dewmien, filwaqt li t-tieni waħda se tiġi mtejba wkoll b’aktar approach lanes u disinn aħjar. Meta jitlesta l-bini tar-roundabouts, Triq l-Imdina, li tgħaqqad iż-żewġ ħoloq, se tkun qiegħda tiġi mwessa’ biex tinkludi korsija oħra lejn in-nofsinhar. Waħda mill-korsiji ta’ Triq l-Imdina u s-service road ta’ maġenba se jiġu mibdula f’korsiji shared li jagħtu prijorità liċ-ċiklisti bis-sinjali u l-markings xierqa.
Il-Ministru Borg spjega li l-periti tad-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura jinsabu f’diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-Bicycle Advocacy Group sabiex jiġi mtejjeb id-disinn tal-aċċess għar-roti għal waħda miż-żewġ roundabouts, liema disinji se jiġu implimentati bħala proġetti pilota għal aktar faċilitajiet favur iċ-ċikliżmu f’partijiet oħra tan-network tat-toroq. Huwa qal li dawn is-sistemi ġodda jiffurmaw parti minn din il-kollaborazzjoni kontinwa li qiegħda tiġi stabbilita ma’ dawn ir-rappreżentanti u qal li fil-ġimgħat li ġejjin se ssir aktar ħidma fuq inizjattivi simili, sabiex jitnaqqsu r-riskji ta’ inċidenti għaċ-ċiklisti filwaqt li ssir promozzjoni ta’ dan il-mezz sostenibbli u titqajjem kuxjenza dwar ir-rispett li dawn jisħoqqilhom minn utenti tat-toroq oħra.
“B’miżuri bħal dawn inkomplu nsaħħu l-kollaborazzjoni bejn mezzi ta’ vvjaġġar differenti mhux biss mill-aspett ta’ infrastruttura, iżda anke billi nrawmu l-kultura li l-ispazji fit-toroq jistgħu jiġu użati minn mezzi differenti, mingħajr ma noħolqu diffikultajiet lil xulxin”, qal il-Ministru. “F’Ħaż-Żebbuġ, u dalwaqt f’lokalitajiet oħra, qed indaħħlu l-kunċett li korsija waħda tintuża minn mezzi differenti, b’persuni li jivvjaġġaw b’attenzjoni biex ma jipperikolawx ħajjet xulxin.” Huwa spjega kif il-periti u t-tekniċi tat-toroq bħalissa qed jaħdmu sabiex jimplimentaw aktar soluzzjonijiet bħal dawn, anke permezz ta’ sistemi ta’ ħarsien għaċ-ċiklisti meta joqorbu lejnroundabouts jew sistemi ta’ traffic lights. Huwa qal li filwaqt li mhux is-soluzzjonijiet kollha li naraw f’pajjiżi oħra jistgħu jitwettqu fit-toroq f’Malta, qed issir ħidma sabiex jitwettqu soluzzjonijiet li jistgħu jwasslu għal benefiċċji kbar għal dawk li jużaw dan il-mezz ta’ vvjaġġar sostenibbli.
Il-Ministru saħaq li bi ftit aktar attenzjoni u għarfien dwar il-bżonnijiet ta’ mezzi differenti nistgħu niksbu kwalità aħjar fl-ivvjaġġar, speċjalment meta dan ikun magħqud ma’ investimenti għaqlin fit-toroq u fl-infrastruttura ta’ madwarhom, bħalma qed isir ġewwa Ħaż-Żebbuġ, fejn ix-xogħlijiet li bdew ftit tal-jiem ilu mistennija li jitlestew matul is-sajf.
Huwa ddeskriva l-proġett bħala wieħed li se jkompli jżid u jtejjeb l-effiċjenza u s-sigurtà tar-rotta arterjali mill-inħawi tal-Mosta, Ħ’Attard u r-Rabat lejn Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi, Santa Venera u l-Marsa. Il-Ministru saħaq li l-impenn tal-Gvern huwa li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin b’sensittività għall-bżonnijiet tar-residenti tal-lokalitajiet fejn jitwettqu x-xogħlijiet. Huwa qal kif in-nies ta’ Ħaż-Żebbuġ ilhom wisq isofru mill-konġestjoni li tinħoloq f’dawn il-partijiet, u għalhekk b’konsultazzjoni sħiħa mal-kunsill lokali, intlaħaq ftehim fuq din is-soluzzjoni favur kwalità tal-ħajja aħjar filwaqt li l-vetturi jitressqu aktar lejn il-ħolqa prinċipali u lil hinn mit-toroq residenzjali fil-qalba ta’ dan ir-raħal.
Ian Borg qal li dan il-prinċipju qiegħed jiġi mħaddan fl-ippjanar tal-proġetti kollha, u l-frott ta’ din il-bidla fil-ħsieb diġà qed tinħass f’lokalitajiet oħra. Huwa fakkar fix-xogħlijiet li twettqu f’Ħal Qormi s-sajf li għadda, li naqqsu d-dewmien bi 30%, kif ukoll proġetti simili f’Ħal Lija, fil-Mosta, fil-Marsa, fil-Gudja u f’Ħal Luqa li taffew id-diffikultajiet tal-konġestjoni u t-tniġġis fl-ajra permezz ta’ xogħol li indirizza bottlenecks li kienu ilhom żmien twil ixekklu t-trasport. Il-Ministru kompla billi qal li dan is-sajf qiegħda tiġi intensifikata l-ħidma favur kwalità, effiċjenza u sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq, hekk kif ikun hawn iktar nies bil-btajjel u inqas nies jivvjaġġaw fit-toroq. Huwa qal li diġà tlesta titjib fi Triq tal-Barrani filwaqt li nbeda proġett estensiv għat-titjib ta’ partijiet minn Triq Aldo Moro, Triq Diċembru 13 u l-Marsa-Ħamrun Bypass fil-Marsa, Ħal Qormi u Santa Venera, u żied jgħid li aktar xogħlijiet mistennija jibdew dalwaqt f’partijiet oħra tal-pajjiż.
Huwa spjega kif b’interventi żgħar bħal dawn, is-sitwazzjoni qiegħda tiġi mtejba, iżda fakkar li dan waħdu mhuwiex biżżejjed. Fil-fatt, huwa aċċena għall-ħidma ħolistika tal-gvern fis-settur tat-trasport, inkluż it-titjib tas-servizz tat-trasport pubbliku, l-inizjattivi favur mezzi alternattivi bħar-roti u l-muturi, u l-iskema ta’ trasport b’xejn għat-tfal tal-iskejjel kollha, inkluż tal-Knisja u dawk indipendenti, li qiegħda tiġi mmexxija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Iżda, żied il-Ministru, il-Gvern ma jistax jinjora li l-konġestjoni hija realtà, u li din teħtieġ ukoll ħidma infrastrutturali sabiex jiġu indirizzati problemi fid-disinji tat-toroq tagħna, bħal numru ta’ bottlenecks, li jistgħu jitjiebu b’interventi minuri. Dan qiegħed isir flimkien ma’ miżuri aktar medium u long-term bħalma qiegħed isir fil-Marsa Junction Project u dak li se jkun qiegħed isir fis-Central Link Project.
Il-Ministru fakkar kif ftit tal-jiem ilu, il-Parlament temm id-diskussjoni importanti dwar it-twaqqif ta’ Infrastructure Malta bl-approvazzjoni tal-liġi li se tkun qiegħda twaqqafha, u qal li fil-ġimgħat li ġejjin, din l-aġenzija se tibda topera b’mod sħiħ. Huwa qal li filwaqt li naħdmu biex negħlbu d-diffikultajiet li għandna quddiemna llum, irridu nħarsu ’l quddiem u nwettqu wkoll ħidmiet li bihom niżguraw infrastruttura sostenibbli u future-proof, infrastruttura li ma tħallix lill-ġenerazzjonijiet ta’ għada jsibu ruħhom fl-istess diffikultajiet li sabu f’dawn l-aħħar snin dawk li kellhom bżonn jivvjaġġaw f’pajjiżna.
“Infrastruttura b’saħħitha hija essenzjali għal sistemi tat-trasport b’saħħithom – ħidma sostenibbli fit-toroq hija l-pedament għas-sostennibilità fis-settur tat-trasport; nistgħu nimxu biss ’il quddiem fl-ivvjaġġar jekk ikollna infrastruttura adekwata li tilqa’ fiha b’mod sikur mezzi alternattivi u sostenibbli filwaqt li takkomoda lir-residenti tal-pajjiż u lill-utenti tat-toroq kollha”, temm jgħid il-Ministru Ian Borg.