B’investiment ta’ nofs miljun ewro, l-Aġenzija Infrastructure Malta għaddejja bl-aħħar xogħlijiet sabiex tlesti l-proġett u ssebbaħ il-belvedere, it-taraġ, u l-bankini fiż-żona tas-Saqqajja.
Waqt żjara li għamel fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Infrastruttura, Aaron Farrugia, spjega li dan il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imdina u x-xogħlijiet qed isiru wkoll f’konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali minħabba l-kuntest storiku tal-inħawi.
Huwa qal “Imma wkoll inġabet ċinġatura tal-qawwi minn Għawdex biex tikkumplimenta dan ix-xogħol sabiħ illi issa jagħti post ġdid, mhux għar-residenti imma wkoll dawk li jżuru din l-akkwata, fosthom ukoll negozji li jgawdu minn dan ix-xogħol li sar issa.”
Min-naħa tagħha, il-Perit responsabbli minn dan il-proġett, Corinne Dimech, spjegat ix-xogħlijiet li saru f’din iż-żona.
“Bdejna billi biddilna s-servizzi tal-ilma, kif ukoll il-katusi tal-ilma, tejjibna s-sistema tal-ilqugħ tal-ilma tax-xita, kif ukoll żidna l-pajpijiet biex jekk ’il quddiem ikun hawn il-ħtieġa li jiżdied dawl dekorattiv, ikun diġà maħsub.”
Hija semmiet ukoll kif, is-sena li għaddiet, l-aġenzija Infrastructure Malta għamlet proġett ta’ miljun ewro sabiex saħħet il-pedamenti tan-naħa ta’ fuq tat-Telgħa tas-Saqqajja, permezz ta’ kolonni tal-konkos sitt sulari taħt l-art biex fuqhom inbnew pedamenti ġodda.
Is-Sindku tal-Imdina, Peter Sant Manduca, qal li dan l-intervent se jeleva ż-żona tat-Telgħa tas-Saqqajja, li titgawda minn numru ta’ residenti u turisti.
“Hawnhekk qiegħda fil-konfini tal-Imdina. Hawn ħafna ristoranti, dan l-aħħar speċjalment fetħu ħafna ristoranti u sar post popolari immens hawnhekk. Kien hemm bżonn upgrade u saret bit-travertin, bl-irħam, u veru ġie sabiħ. Min-naħa tagħna, veru sodisfatti bħala Kunsill.”