Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCST) flimkien mal-entitajiet parteċipi fil-partnership ‘Transforming Health and Care Systems’ (THCS), nedew l-ewwel sejħa kollaborattiva għal entitajiet lokali kemm mis-settur privat kif ukoll dak pubbliku sabiex jikkollaboraw ma’ entitajiet internazzjonali fuq proposti ta’ riċerka.
Dan il-fond konġunt bit-titlu ‘Healthcare of the Future’ għandu allokazzjoni ta’ nofs miljun ewro fis-sena.
L-MCST hija waħda minn 63 entità minn 26 pajjiż li qed jipparteċipaw fil-Partnership fuq it-Trasformazzjoni tas-Sistemi ta’ Saħħa u Kura taħt il-Programm Horizon Europe. Is-Sistemi ta’ Saħħa u Kura fl-Ewropa qed jaffaċċjaw sfidi komuni, li jirrikjedu soluzzjonijiet kordinati. THCS tirrappreżenta opportunità strateġika u unika fejn entitajiet u partijiet differenti interessati jingħaqdu, joħolqu sinerġija, jikkordinaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, jiffaċilitaw id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi ta’ saħħa u kura, u jsostnu it-trasformazzjoni tas-sistemi ta’ saħħa u kura permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi mimlija b’għarfien u evidenza.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Tonio Porthughese, qal li l-għan ta’ din is-sħubija huwa li tgħin biex tinżamm u titjieb is-saħħa tal-poplu. Dan billi tgħin fit-trasformazzjoni tas-sistemi tas-saħħa u l-kura f’sistemi ta’ kwalità għolja, pjuttost aċċessibbli, sostenibbli, reżiljenti u sistemi ta’ saħħa u kura inklussivi għal kulħadd.
Huwa żied jgħid li l-MCST hija kburija bl-involviment attiv tagħha f’din l-isħubija, filwaqt li tiżgura li l-fondi lokali qed jerġgħu jiġu allokati għall-oqsma identifikati fl-istrateġija tal-iSmart Specialisation għall-perjodu 2021 – 2027, partikolarment dawk li jindirizzaw it-temi ta’ prijorità – is-Saħħa u l-Benesseri, u Teknoloġiji tal-Futur Diġitali.
Jindirizza din il-laqgħa t’informazzjoni mar-riċerkaturi u l-membri kkonċernati, kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, li qal, “Aħna kburin li Malta hija waħda mill-pajjiżi li qegħdin jipparteċipaw fil-programm THCS. Malta qiegħda tinvesti bil-kbir f’dan il-programm, tant li allokat €3.5 Miljun ta’ fondi nazzjonali fuq medda ta’ seba’ snin.”
Huwa spjega li programmi bħal dawn se jippromwovu l-innovazzjoni fis-settur tas-saħħa għall-benefiċċju taċ-ċittadini.
“Importanti ferm li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ningħaqdu flimkien f’diversi oqsma sabiex nużaw ir-riżorsi li għandna b’mod kollettiv fir-riċerka u l-innovazzjoni,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Iktar informazzjoni fuq din is-sħubija tinsab fuq il-website tal-MCST u l-website tat-THCS Partnership.
Ritratt ewlieni: hhmglobal.com