B’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro, il-Marsin se jgawdu minn riġenerazzjoni sħiħa tal-Ġnien Belvedere fil-Marsa, liema investiment se jara t-tħawwil ta’ diversi siġar u arbuxelli flimkien ma’ ġibjun u sistema ta’ sigurtà fost l-oħrajn.
Waqt konferenza tal-aħbarjiet fil-ġnien stess, is-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi sostna kif dan il-proġett kien ukoll fil-manifest tal-Kunsill Marsi. Huwa qal li l-Kunsill Lokali tal-Marsa jinsab sodisfatt li dawn ix-xogħolijiet se jibdew biss ftit jiem oħra.
Qal, “Il-Marsa għandha ġonna kbar fosthom dan il-ġnien u l-Ġnien Sitta t’Awwissu faċċata tiegħu, jeżisti wkoll il-Ġnien Spencer li wara ħafna żmien ta’ telqa, dawn se jieħdu r-ruħ. L-ewwel fosthom huwa dan il-ġnien tal-lum u iktar ‘il quddiem se nkunu qed nitkellmu wkoll fuq il-Ġnien Spencer.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia sostna li investimenti bħal dawn iħallu impatt pożittiv fil-komunitajiet.
Huwa qal li dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni huwa wieħed estensiv, li se jħares lejn diversi aspetti tal-ġnien għall-benefiċċju tal-Marsin.
Qal, “Se jsiru diversi xogħlijiet jiġifieri tħawwil ta’ siġar u arbuxelli, landscaping in-naħa t’isfel, se jiġi mħaffer ġibjun biex ikun hawn self-irrigation madwar il-post kollu, se jkun hawn infrastruttura ħadra bħal m’huma postijiet fejn tpoġġi u affarjiet oħra, xogħlijiet biex il-Marsin ikunu jistgħu jgawdu l-ħin ta’ rikreazzjoni tagħhom.”
Il-Ministru Farrugia tenna li dan il-proġett m’huwiex l-uniku wieħed ta’ tħaddir urban.
Spjega, “Ftit tal-ġimgħat ilu ħabbarna l-Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera, illum ninsabu hawn fil-Ġnien Belvedere fil-Marsa, fil-Marsa wkoll dalwaqt inħabbru proġett ieħor imma wkoll diversi proġetti ta’ tħaddir urbani fil-Ħamrun, Ħaż-Żabbar Ħal Qormi, il-Mosta u diversi postijiet oħra li Ambjent Malta qed jaħdmu fuqhom.”