Tħabbar investiment ta’ €50,000 fis-sezzjoni tal-Ħarsien tal-Annimali f’Għawdex.
Kienet il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana li ħabbret dan waqt żjara fiċ-ċentru tal-Animal Welfare wara xogħol estensiv fis-sezzjoni.
Il-Ministru Caruana qalet li matul l-2017 is-sezzjoni tal-Animal Welfare f’Għawdex intervjeniet f’aktar minn 530 telefonata fejn ġew assistiti 426 annimal. Il-Ministru qalet li peress li sfortunatament l-ammont ta’ telefonati għall-għajnuna qed jiżdiedu, inħasset il-ħtieġa li jsir investiment kapitali f’din is-sezzjoni. Spjegat li l-investiment u l-immodernizzar kienu jinvolvu x-xiri ta’ ambulanza ġdida tal-aħħar teknoloġija, il-bini mill-ġdid ta’ struttura li tilqa’ lill-annimali abbandunati u investiment fir-riżorsi umani.
Dan l-investiment mhux wieħed iżolat u l-ħsieb hu li din is-sezzjoni jkollha post aktar adekwat fejn topera. Il-Ministru semmiet li għaddejja diskussjoni dwar il-farm esperimentali tax-Xewkija biex jintuża aħjar fis-settur agrikolu u fil-ħarsien tal-annimali.
Mario Camilleri, l-assistent direttur responsabbli minn din is-sezzjoni, irringrazzja lill-ħaddiema għax-xogħol li jagħmlu b’riżq l-annimali abbandunati.