Investituri privati li jinvestu fi proġetti ta’ enerġija rinovabbli u li jiġġeneraw enerġija li tlaħħaq il-31MW se jkunu qed igawdu minn skemi li b’kollox ilaħħqu l-€50 miljun.
Dan fuq medda ta’ 20 sena u b’hekk jikkorrispondu mat-tul taż-żmien tal-feed-in-tariff.
Ħabbret dan il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.
Fil-fatt, il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif issa li tħabbar dan l-akbar pakkett ta’ skemi favur proġetti ta’ enerġija rinovabbli, l-investituri qed jiġu mistiedna jissottomettu l-proposti tagħhom.
Dr Dalli spjegat kif il-kapaċitajiet tal-proġetti jistgħu jvarjaw bejn 40KWP u 1MWP.
Hija qalet, “Qed nitkellmu dwar proġetti li jvarjaw minn 40KWP sa 1MWP u qed naċċertaw ruħna li noffru din l-allokazzjoni għaliex irridu li l-investituri jkunu sieħba magħna fit-transizzjoni lejn enerġija nadifa.”
Is-sejħiet għall-investituri prospettivi se jkunu maqsuma hekk.
L-ewwel ħames sejħiet l-investituri qed jiġu mistiedna jissottomettu proposti għal kapaċitajiet ta’ ġenerazzoni ta’ enerġija rinnovabbli minn 40KW sa 200KW.
L-ewwel sejħa se tkun qed tallokal 2MW filwaqt li l-bqija tas-sejħiet jallokaw 1MW għal kull waħda.
Intant fit-tieni lott ta’ sejħiet li jitlob ħames investituri jissottomettu proposta ta’ proġett li huwa kapaċi jiġġenera bejn 200KW U 1MW. Għal kull sejħa se jkun hemm allokazzjoni ta’ 5MW.
Il-Ministru Miriam Dalli kompliet tispjega kif din l-akbar allokazzjoni li tinċentiva proġetti ta’ enerġija rinovabbli saret wara konsultazzjoni etensiva ma’ diversi sħab soċjali.
ONE News, ħa r-reazzjoni tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Portelli stqarret: “Ninnutaw ukoll b’sodisfazzjon il-committment tal-Ministru fejn illum bl-iktar mod kategoriku u ċar insistiet li meta nitkellmu dwar enerġija rinovabbli mhux biss qed nitkellmu fuq pannelli solari però se tkun qed tkopri kwalunkwe enerġija rinovabbli li tagħmel il-ġid lil pajjiżna.”
L-Inġinier Mario Cacha, li hu l-Kap tat-Taqsima tal-Enerġija Rinovabbli fi ħdan l-MDA qal,”Dan huwa pass ħafna aħjar fuq li kellna s’issa. Jagħti viżibiltà aħjar lis-settur u anke lill-pajjiż biex inkomplu naħdmu lejn inqas emmissjonijiet fil-pajjiż tagħna u huwa riżultat ta’ diskussjonijiet li l-MDA kellha mal-Ministeru fuq dan is-suġġett.”
Għal din is-sejħa ta’ offerti ta’ dawn il-proġetti qed jiġi allokat perjodu ta’ 12-il xahar.
Id-dettalji tal-iskemi se jkunu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern.