Ftehim ta’ aktar minn €50 miljun iffirmat illum fil-Ministeru tal-Finanzi bejn il-Gvern Malti, il-Bank Ewropew għall-Investiment, u l-Council of Europe Development Bank, se jfisser l-iżvilupp ta’ 680 appartament għal dawk l-aktar vulnerabbli.
L-appartamenti se jkunu mifruxa fuq sittax-il sit madwar Malta f’Ħ’Attard, f’Ħal Luqa, fis-Siġġiewi, fil-Qrendi, f’Birkirkara, fl-Imsida, fiż-Żurrieq, f’Ħal Kirkop, f’Bormla, fin-Naxxar u f’Ħaż-Żebbuġ.
Ix-xogħlijiet diġà bdew fuq is-siti f’Ħaż-Żebbuġ, f’Ħ’Attard u f’Ħal Kirkop, u l-appartamenti se jvarjaw minn dawk b’kamra tas-sodda waħda, oħrajn b’żewġ kmamar tas-sodod u oħrajn bi tlieta.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li dan huwa wieħed mill-ikbar proġetti fis-settur tal-housing għas-snin li ġejjin; u stqarr li se jkun qed jipprovdi iżjed bini affordabbli speċjalment għall-familji bi dħul baxx jew medju.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dal-proġett jirrifletti r-realtà soċjali ta’ pajjiżna, u se jagħmel differenza sinifikanti f’ħajjet dawk l-aktar fil-bżonn.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Edward Scicluna tkellem dwar ir-relazzjoni b’saħħitha li Malta għandha mal-EIB u l-Council of Europe Development Bank, u qal li dal-proġett huwa riflessjoni ta’ fejn dan il-Gvern irid imur fil-ħames snin li ġejjin.