Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħabbru investiment ta’ ħames miljun ewro f’taħriġ lir-riżors uman fil-qasam tat-turiżmu, biex b’hekk il-prodott turistiku lokali jkun aktar kompetittiv u b’saħħtu, hekk kif tgħaddi l-pandemija tal-Covid-19.
Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet ukoll li dan imur id f’id mal-viżjoni tal-gvern li jkunu salvati l-impjiegi. Mal-25,000 persuna jista’ jagħżel mingħajr ħlas minn 300 kors akkreditat jew 750 kors qasir.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Johann Buttigieg qal li l-korsijiet ta’ taħriġ jilqgħu għal varjetà ta’ livell li jkopru diversi temi, fosthom ħiliet ta’ tmexxija, l-aċċess virtwali ta’ siti storiċi, u anke l-effetti tal-Coronavirus fuq it-turiżmu dinji u kif dan jista’ jittaffa.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu Ronald Mizzi spjega li dan se jippermetti influss ta’ turisti ta’ kwalità. Qal li bħalissa “l-volumi mhux hawn, u rridu naraw kif se mmorru għal aktar kwalità. Irridu nużaw dan il-perjodu biex inħarrġu l-ħaddiema tagħna biex intejbu l-prodott turistiku tagħna”.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ddeskriviet dawn it-tliet mitt kors differenti bħala pjattaforma ta’ taħrig tal-ogħla livell.
Qalet li 90% ta’ dawk li jaħdmu fis-settur tal-akkomodazzjoni u tal-ikel qed jieħdu l-għajnuna tal-ħlas fil-paga.
S’issa, 36 kumpanija fosthom l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u l-Università ta’ Malta wrew interess f’dawn il-korsijiet. Magħhom ingħaqdu entitajiet internazzjonali fosthom Forbes u l-UNESCO. “Din hija opportunità li tgħin lis-settur lokali ikollu prodott aqwa biex meta noħorġu mill-fażi nkunu aktar kompetittivi minn pajjiżi oħra”, spjegat il-Ministru.
Dawk interessati jistgħu japplikaw permezz tas-sit mta.com.mt/en/e-learning