Seba’ intrapriżi mistennija jinvestu bejniethom ‘il fuq minn ħames miljun ewro biex ipoġġu madwar 14,000 pannella solari li jiġġeneraw madwar 7 gigawatt fis-siegħa ta’ elettriku fis-sena, biżżejjed biex jipprovdu 1,500 dar b’enerġija nadifa.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha saħaq dwar l-impenn tal-Gvern biex Malta tkun ħielsa mill-karbonju, filwaqt li tkompli tnaqqas l-emissjonijiet.
Dawn il-pannelli mistennija jitpoġġew fis-sentejn li ġejjin u se jikkontribwixxu lejn il-miri ta’ Malta għas-sena 2030 fejn il-mira hija li jinqabżu l-266 megawatt f’ġenerazzjoni t’enerġija rinovabbli. Il-maġġoranza ta’ dawn il-pannelli se jitpoġġew fuq soqfa ta’ diversi binjiet.
Il-Ministru spjega wkoll li l-Enemalta għaddejja bl-evalwazzjoni għall-proġett ta’ batterji biex jaħżnu l-enerġija żejda ġġenerata mill-pannelli.
Il-Ministru Farrugia qal: “Qegħdin naħdmu anke billi nagħtu grants lil diversi familji biex jew iwaħħlu pannelli fuq il-bejt jew inkella anke jixtru batteriji. Għas-sena d-dieħla dawn il-proġetti se jkunu aktar, qegħdin jitressqu ‘l quddiem u anke jkun hemm aktar ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinovabbli, dak meta wieħed jikkonsidra l-budget tal-Gvern għas-sena d-dieħla huwa akbar minn dak il-budget għal din is-sena.”