Skema għall-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħaddiema li ser tara investiment ta’ €5 miljun għat-taħriġ in-house tal-ħaddiema u għotja ta’ €5,000 lill-kumpaniji biex isaħħu l-business models tagħhom għaliex dawn huma l-fulkru għal ekonomija aktar b’saħħitha.
Hu u jieħu sehem f’laqgħa informali tal-Ministri tax-Xogħol u Affarijiet Socjali, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici stqarr li l-impjiegi fuq livell nazzjonali u l-politika soċjali jirrikjedu approċċ ħolistiku sabiex wieħed ikun jista’ jitgħallem mill-opportunitajiet li ġew offruti lilna.
Tkellem dwar kif permezz tat-teknoloġija stajna nintroduċu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli li jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà fit-tul. Qal kif għandha tingħata importanza biex il-ħaddiema jiksbu ħiliet ta flessibilità u addattabbilità li huma imprezzabbli fid-dinja tal-lum.
B’hekk huwa sostna li b’sistema personalizzata ta’ tagħlim tul il-ħajja u t-tisħiħ tar-rwol tal-edukazzjoni vokazzjonali jibqgħu prerekwiżit biex nilqgħu għall-bidliet li ġejjin.
Għal dawn ir-raġunijiet huwa saħaq li l-Unjoni Ewropea għandha għandha tkun sensittiva għall-ħtiġijiet individwali tas-swieq tax-xogħol ta’ kull stat membru fid-dawl tal-isfidi li qegħdin jaffaċċjaw preżentament.
Il-Ministru Bonnici sostna wkoll li huwa ta’ importanza kbira li nżommu f’moħħna dawk l-istudenti li jitilqu kmieni wisq mis-sistema edukattiva. Huwa saħaq li dan għandha tkun ta’ prijorità sabiex ikollna ħaddiema mħarrġa biżżejjed li jkunu jistgħu jaffaċċjaw u jegħlbu l-isfida li ġġib magħha t-tranżizzjoni.
Mil-lenti soċjali, il-Ministru għall-Edukazzkoni stqarr li l-pandemija ħolqot diversi sfidi fuq il-qasam tal-ugwaljanza fejn il-vittmi ta’ vjolenza domestika kienu esposti aktar għall-possibilità ta’ vjolenza u fid-dawl ta’ dan tnedew numru ta’ kampanji kif ukoll daħlet sistema ta’ “silent reporting”.
Huwa rrefera wkoll għall-iskema tal-“private rent Housing Benefit” li ġiet estiża wkoll għall-vittmi tal-vjolenza domestika filwaqt li l-Gender Wellbeing Clinic baqgħet tagħti servizzi ta’ assistenza lil persuni trans u l-familji tagħhom matul dan il-perjodu.