B’investiment ta’ €48,000 inxtara vann elettriku mill-Fondi tal-Aġenzija għall-Infurzar tal-Liġi, il-LESA, u d-dipartiment tal-kunsilli lokali biex jintuża mir-residenti Kalkariżi.
Għall-inawgurazzjoni tiegħu kien hemm preżenti l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u s-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina.
Is-Sindku tal-Kalkara qal li, “Huwa impenn u ħidma kontinwa tal-kunsill li nkunu ta’ servizz għar-residenti tagħna. Permezz ta’ dan il-vann 100% elettriku, ħa mmorru lil hinn minn servizz li nistgħu noffru mill-ufficċju. KALKARA TRANSPORT se jkun għal kull bżonn tar-residenti Kalkariżi. L-għan hu li ngħinu aktar lill-anzjani tagħna fil-ħajja ta’ kuljum.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li, “Dan is-servizz kien beda jingħata għall-ewwel darba fil-lokalità ta’ Bormla meta jien kont sindku u hu ta’ sodisfazzjon għalija li nara aktar kunsilli lokali jadottawh għaliex jgħin lill-persuni jkunu aktar indipendenti.” Hija faħħret l-għaqal tal-kunsill lokali tal-Kalkara li għaraf juża fondi addizzjonali.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li, “Permezz ta’ dan il-proġett mill-Kunsill Lokali tal-Kalkara u kif ukoll proġetti oħra minn kunsilli lokali, qed naraw li l-flus miċ-ċitazzjonijiet qed jiġu investiti lura fil-komunità. Fil-fatt, matul din is-sena l-aġenzija LESA qassmet kważi €1,000,000 f’fondi lil 20 kunsill lokali differenti.” Meta tkellem dwar il-proġett fil-Kalkara, il-Ministru żied jgħid li dan hu proġett mill-komunità għall-komunità, għaliex il-Kalkariżi se jkunu moqdija aħjar fil-ħajja ta’ kuljum, b’mod partikolari dawk li ma jsuqux.
Kien hemm preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-LESA Svetlick Flores u l-President tal-Assoċjazzjoni għallKunsilli Lokali Mario Fava.
Is-servizz se jidħol fis-seħħ mid-9 ta’ Jannar li ġej u sabiex wieħed jużah irid jagħmel kuntatt mal-Kunsill Lokali tal-Kalkara.