Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun implimenta proġett ta’ manutenzjoni u tisbiħ fi Triq San Ġużepp u Triq Nazzjonali fil-Ħamrun u l-madwar.
Permezz ta’ investiment ta’ ftit iktar minn €45,000 li nkisbu mill-iskema finanzjarja “Manutenzjoni u Sostenn ta’ Proġetti Infrastrutturali Maġġuri li ġew imwettqa mill-Gvern”. Din l-iskema tinħareġ mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u l-għan tagħha hu li proġetti infrastrutturali maġġuri li jkunu mwettqa mill-Gvern Ċentrali f’snin preċedenti jkunu jistgħu jiġu miżmuma fi stat tajjeb.
Il-proġett kien jinkludi pavimentar ġdid, street furniture, pjanti, waste bins u aluminium panels għal aktar aċċessibilità u sigurtà mal-kumplament tal-pont pedonali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli żaret dan il-proġett u faħħret lill-kunsill lokali tal-Ħamrun. Hija sostniet li l-Gvern komess li jipprovdi l-għodda meħtieġa sabiex l-Kunsilli Lokali jaqdu bl-aħjar mod in-neċessitajiet tal-lokalitajiet rispettivi tagħhom u jindirizzaw l-isfidi li jinbidlu kontinwament
Intant, is-sindku tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun Christian Sammut stqarr li grazzi għal-fondi miksuba saru x-xogħlijiet ta’ tisbiħ u pavementar ġdid u b’hekk sar aktar aċċessibli u faħħar l-iskema hekk kif qal li l-proġett seta’ jsir biss permezz tal-fondi addizzjonali mill-iskema ffinanzjata mill-Gvern.
Min-naħa tagħha, id-Direttur għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika fi ħdan lid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Marisa Pisani qalet li dan il-finanzjament ikkontribwixxa għal titjib fl-infrastruttura u l-benessere inġenerali tar-residenti tal-Ħamrun.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll kunsilliera tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun.