B’investiment ta’ €42,000 u ftehim bejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-parroċċa tal-Mellieħa, se jiġu restawrati erba’ pitturi reliġjużi tal-artist Gaetano Calleja.
Dan tħabbar f’konferenza fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa li tinsab ftit passi ’l bogħod mill-knisja parrokkjali tal-Mellieħa.
L-Arċipriet tal-Knisja spjegalna kif f’dan is-Santwarju bi storja kbira, jinsabu bosta pitturi ta’ artisti rinomati fosthom ta’ Rocco Buhagiar u Francesco Zahra.
Qalilna li Gaetano Calleja kien pitter dawn il-pitturi fl-elf seba’ mija u tmienja u sebgħin u huwa artist b’ħila liema bħalha.
L-Arċipriet Fr. Joe Caruana qalilna, “Huwa interessanti għax normalment ma nassoċċjawhx ma’ pitturi reliġjużi. Jidher li dawn kienu l-uniċi erba’ pitturi reliġjużi li hu għamel. Hu kien student ta’ Favray u kien ipitter l-iżjed kwadri. Il-Kavallieri kienu jagħtuh ħafna kwadri xi jpitter u għandna bosta kwadri tiegħu tal-Kavallieri. Imma l-pittura tiegħu reliġjuża hija din u pittirha, għamel dawn l-erba’ biċċiet pittura meta kellu biss tmintax-il sena.”
Żied jgħid li bir-restwar ta’ dawn l-erba’ pitturi, bil-għajnuna tal-Gvern jingħalaq xogħol ikbar ta’ restawr li kien qed isir f’dan is-Santwarju.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo aċċenna li l-Mellieħa ma toffrix biss bajjiet u baħar iżda anke l-istorja reliġjuża għandha l-potenzjal li toffri esperjenza unika lit-turisti.
Huwa sostna: “U jiena qiegħed nara kif in-niċċa tat-turiżmu reliġjuż kapaċi tpoġġi lil kull belt u raħal f’pajjiżna fuq il-mappa turistika għaliex kull belt u raħal għandu biex jiftaħar f’pajjiżna u għaldaqstant dan l-investiment li qegħdin nagħmlu se jkun qiegħed jinfirex ukoll ma’ iżjed lokalitajiet madwar Malta u Għawdex sabiex b’hekk naraw li n-niċċa tat-turiżmu reliġjuż tkun waħda minn dawk in-niċeċ li fuqha nibnu turiżmu sostennibbli għas-snin li ġejjin.”
Iċ-Chairman tal-MTA Gavin Gulia qal li l-Awtorità qiegħda tinvesti ħafna fil-qasam reliġjuż għaliex din tidħol perfettament mal-istrateġija tal-Gvern għat-turiżmu għall-għaxar snin li ġejjin.