Illum il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun inawgura xogħolijiet ta’ public toilets ġodda fi Triq id-Duka ta’ Edinburgh, li jinsabu ħdejn l-uffiċini tal-Kunsill. Dan il-proġett jammonta għall-investiment ta’ madwar €40,000.
Il-binja ġiet rinovata mhux biss permezz ta’ sistemi ġodda u faċċata rranġata, iżda permezz ta’ aktar aċċessibilità fejn issa t-toilets kollha ġew fl-istess sular. Parti mill-binja rrinovata se tkun qed isservi wkoll lill-istess Kunsill.
Is-Sindku tal-Ħamrun, is-Sur Christian Sammut qal li dan il-proġett huwa ħolqa minn għadd ta’ proġetti li saru fl-aħħar snin fil-Ħamrun sabiex joffru servizz aħjar lill-Ħamruniżi u lil dawk kollha li jżuru din il-lokalità.
Is-Sindku Sammut tenna, li issa l-lokalità se tkun qed taħdem sabiex isir ir-rinovar ta’ public toilets oħra fi Triq il-Ferrovija.
Dan il-proġett seta’ jkun possibli biss grazzi għall-fondi ‘Proġetti Kapitali’ maħruġa mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.