Il-kumpanija SR Technics qed tinvesti 40 miljun ewro f’hanger ġdid u x-xogħol jinsab għaddej b’ritmu tajjeb. Il-hanger il-ġdid se jkun jesa’ sitt ajruplani u dan se jwassal biex il-kumpanija tkun tista’ tilqa’ iktar ajruplani fl-istess ħin.
Żorna s-6 flimkien ma’ Arthur Magri, General Manager tal-kumpanija SR Technics, li tkellem dwar il-ħsieb wara dan l-investiment.
“Id-domanda tax-xogħol qiegħda tiżdied. Fil-hanger ta’ bħalissa kellna problema ta’ spazju u issa se nkabbru biex ikollna aktar xogħol”, tenna Magri.
Din il-kumpanija ilha taħdem minn Malta mill-2010. Wara perjodu xi ftit diffiċli, illum reġgħet qabdet ritmu tant b’saħħtu li minn fejn kienet taħdem ma baqax adattat.
“Is-suq tal-avjazzjoni wara dak li ġara fl-ekonomija fil-passat ix-xogħol kien kajman, issa x-xogħol irpillia. U għamilna dan l-investiment u se nirrilokaw”.
Dan l-investiment se jwassal biex l-SR Technics, li diġà tħaddem 300 ruħ, iżżid il-ħaddiema.
Magri stqarr: “Għaddejjien b’kampanja ta’ reklutaġġ għandna bżonn 250. Sa sena li għaddiet żgur irridu niżdiedu għal 100 persuna żgur. Għandna bżonn mhux biss inġinerija, imma anke clerical works u kull tip ta’ xogħol”.
Il-proġett f’Ħal Farruġ, li beda f’Ġunju ta’ din is-sena, mistenni jkun lest f’Ġunju tas-sena d-dieħla.
Dan minkejja li kien hemm perjodu fejn ix-xogħol kellu jieqaf għal ftit ġimgħat minħabba skoperta ta’ fdalijiet storiċi ta’ tempju Neolitiku.
Magri temm jgħid: “Minħabba t-tempju biddilna l-pjanti kollha. Ta’ kif isir ix-xogħol. It-tempju ħa jiġi protett. Żiedna l-footprint“.
B’dan l-investiment l-SR Technics se tkompli tattira aktar linji tal-ajru lejn Malta. Fost oħrajn, il-kumpanija Easy Jet hija waħda minn dawk li kienet imħeġġa minn dan l-investiment biex timpenja ruħha li taħdem mal-SR Technics.