Fit-tliet snin li ġejjin se jiġu investiti kważi erba’ miljun ewro fid-djar tat-tfal tal-Knisja grazzi għal wieħed mill-akbar ftehimiet soċjali li għamel il-Ministeru għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal.
Dan il-ftehim se jiffinanzja madwar erbgħin sodda biex id-djar tat-tfal jibqgħu joffru l-aqwa appoġġ u ambjent lit-tfal fil-kura tagħhom.
Il-Fondazzjoni Sebħ tiffinanzja erbat idjar tat-tfal li fihom jgħixu mija u erbgħin tifel u tifla.
F’Dar Fra Diego fil-Ħamrun, id-Direttur tal-Fondazzjoni Sebħ Yvonne Mallia, spjegat li t-tfal fil-kura huma maqsumin bil-għan li jgħixu fi gruppi żgħar fejn ikunu jistgħu jgħixu f’ambjent ta’ familja. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ diversi riżorsi biex is-servizz jibqa’ jitjieb.
Mallia spjegat: “Il-kura residenzjali tirrikjedi 24 siegħa staff magħhom, tirrikjedi illi inti tieħu ħsiebhom bħal ġenituri tinkludihom f’attivitajiet u affarijiet tal-iskola, f’għajnuna terapewtika jekk ikollhom bżonn u allura hemm bżonn ta’ ħafna u ħafna finanzi illi permezz ta’ dan il-ftehim u permezz ta’ għajnuna oħra li tagħtina l-knisja, aħna nkunu nistgħu noffru s-servizz li verament jeħtieġilhom u jixraqilhom dawn it-tfal biex nagħtuhom ħajja aħjar.”
Bħalissa m’hemmx tfal li qed jistennew biex isibu post f’xi dar tat-tfal.
Hawnhekk il-Ministru Michael Falzon irrimarka fuq l-interess tat-tfal li għandu jingħata importanza l-ewwel u qabel kollox: “It-tfal li jkollhom bżonn ma jibqgħux fil-familja naturali għandna jiġifieri qed nitkellmu fuq erba’ mija, madwar dak in-numru. Li hu ta’ sodisfazzjon kbir hu li m’għandniex tfal li m’għandniex fejn inpoġġuhom biex nuża dak it-terminu, grazzi għal ftehim bħalma hu dan, ma’ Fondazzjoni Sebħ li għandhom diversi djar u l-erba’ miljun ewro veru forsi tgħid investiment fid-djar, jiena narahom investiment fis-soċjetà t’għada.”
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti li ħares ‘il quddiem biex din il-kollaborazzjoni tkompli tissaħħaħ.