Tħabbret is-seba’ miżura mill-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2014-2020, fejn qed issir l-introduzzjoni fis-suq lokali tal-Iskema Nazzjonali tal-‘Prodotti ta’ Kwalità”. Dan hekk kif il-Gvern alloka €4 miljuni b’investiment, b’għajnuna sa massimu ta’ €3,000 fis-sena, li jkopru l-ispejjeż marbuta maċ-ċertifikazzjonijiet neċessarji. Dan biex il-bdiewa jkunu jistgħu jwasslu l-prodott tagħhom lill-konsumaturi b’tikketta ta’ marka ta’ kwalità.
Dawn il-fondi se jservu ta’ għajnuna għall-bdiewa Maltin sabiex itejjeb il-kwalità tal-prodott lokali billi jgħin fl-introduzzjoni fis-suq lokali.
Għalkemm inizjalment huma l-prodotti relatati mal-ħalib li se jkunu jistgħu japplikaw għall-iskema ta’ kwalità Maltija, il-ħsieb hu li ‘l quddiem dawn jinfetħu għal setturi oħrajn. Fejn il-Gvern qed jinkoraġġixxi lis-setturi varji biex jressqu ‘l quddiem proposti biex is-settur tagħhom jiġi rikonoxxut għall-fini ta’ kwalità.
Dan l-investiment mhux biss se jkun qed iservi ta’ għajnuna għall-bdiewa u s-settur agrikolu iżda minnu se jkunu qed jibbenefikaw il-konsumaturi. Din l-introduzzjoni se tkun qed tgħin fl-isħubija ta’ dawk l-iskemi ta’ kwalità diġà eżistenti introdotti fl-Unjoni Ewropea fejn din il-miżura hija miftuħa għal min ikun qed jipparteċipa għall-ewwel darba fi skema partikolari ta’ kwalità.
Din hija s-seba’ miżura li tħabbret, fejn sa issa diġà ġew kommessi mas-€73 miljun taħt miżuri varju li għandhom l-iskop li jgħinu lill-bdiewa jimplimentaw prattiċi li ma jgħamlux ħsara lill-ambjent, azzjonijiet li jgħinu l-ambjent ta’ madwarna kif ukoll biex inħeġġu kemm investiment fis-settur kif ukoll nattiraw bdiewa żgħażagħ jidħlu fis-settur agrikolu.
Il-benefiċċjari ta’ din il-miżura huma l-bdiewa individwali u kif ukoll gruppi ta’ bdiewa, ovvjament bil-benefiċċjarji aħħarin ikunu l-konsumaturi Maltin.