Kważi wasal fl-aħħar ix-xogħol, b’investiment ta’ erba’ miljun ewro minn fondi Ewropej, fuq il-binja tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi magħrufa bħala Project House.
Fil-fatt, permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet, din il-binja tal-Gvern se tkun aktar sostenibbli fl-użu tal-enerġija.
Il-Perit Anne Casha, li hija responsabbli mix-xogħlijiet li qed isiru, spjegat ix-xogħol li diġà li sar, fosthom xogħol fil-faċċata li ġiet miksija bil-ġebla tal-qawwi, inbidlet l-insulazzjoni fuq il-bejt, l-arja kundizzjonata ġiet ċentralizzata, u t-twieqi saru bi ħġieġ doppju, fost oħrajn.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-binja, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega li permezz ta’ dan il-proġett se titnaqqas id-domanda għall-enerġija u b’hekk jonqsu l-emissjonijiet. B’riżultat ta’ dan jinħoloq ambjent aħjar għal kulħadd.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal ukoll li dawn ix-xogħlijiet se jsiru wkoll f’binijiet oħra pubbliċi u għandhom isiru wkoll f’binjiet privati sabiex Malta tilħaq il-miri ambjentali tagħha għas-snin li ġejjin.
Qal, “Nafu li kull binja, biex taħdem u titħaddem, għandek bżonn ċertu konsum ta’ enerġija. Allura, b’interventi bħalma għamilna hawnhekk fi Project House, qegħdin nibagħtu messaġġ, qegħdin nibagħtu sinjal kif jistgħu jsiru interventi illi jagħmlu l-binjiet eżistenti aktar energy efficient, filwaqt li naraw li jkollna binjiet ġodda illi jilħqu dawn il-miri hekk importanti.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, spjega li x-xogħlijiet fuq Project House huma parti minn sensiela ta’ proġetti li qegħdin isiru bil-pjan mill-fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea. Dan il-pjan ta’ Malta l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen kienet faħħritu bħala l-aktar wieħed li jirrispetta l-ambjent.
Qal, “Issa għaddejna għall-implimentazzjoni, u issa fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se naraw aktar proġetti minn dawn isiru għall-fejda tal-poplu tagħna biex il-pilastru tal-ambjent, kif wegħdna fil-kampanja elettorali, kif il-Prim Ministru wiegħed fil-kampanja elettorali, se jkun pilastru importanti fil-politika tal-Gvern għall-ħames snin li ġejjin.”
Preżenti kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Stephen Bonello, u d-Direttur tad-Direttorat tad-Disinn ta’ Proġetti u Inġinerija, il-Perit Nadia Gatt Curmi.
Dan il-proġett, li ġie klassifikat fl-ogħla livell għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jiġifieri klassi A, se jkun lest fl-aħħar ta’ Ġunju.