B’investiment ta’ €4 miljun tħabbru sitt proġetti li huma mħaddma b’intelliġenza artifiċjali.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri f’konferenza tal-aħbarijiet.
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet, ġie spjegat kif l-ewwel proġett huwa ta’ €1.9 miljun, fejn se jgħaqqad it-traffic lights u l-kameras tas-sigurtà, se jkun magħruf x’joħloq il-konġestjoni tat-traffiku. Hawnhekk din l-informazzjoni ser tingħata lill-Transport Malta biex l-informazzjoni tgħaddiha lill-pubbliku.
It-tieni proġett huwa ta’ kważi €380,000 se jkun qed jilħaq lis-settur tal-enerġija. Hawnhekk se ssir ħidma mal-aġenżiji ARMS, l-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fejn ser tinħareġ data ta’ kif ittejjeb il-prestazzjoni tal-enerġija.
It-tielet proġett huwa li b’investiment ta’ kważi €600,000 issir chatbot fuq is-sit ta’ servizz.gov, biex wieħed jikseb informazzjoni u jikseb servizz mill-kumdità ta’ daru. Dan se jkun kemm bil-Malti u anki bl-Ingliż.
L-edukazzjoni hija nkluża fir-raba’ proġett b’investiment ta’ €150,000, fejn studenti jkollhom programmi personalizati, apparti dak li jsir fl-iskola, li tibbaża fuq il-ħiliet tal-istudenti.
Fis-saħħa b’investiment ta’ €300,000, se ssir ħidma mas-CPSU, sabiex issir sistema tal-ippjanar biex ma jkunx hemmx nuqqas fil-provvista tal-mediċini f’pajjiżna.
Is-sitt u l-aħħar proġett jinkludi t-turiżmu, fejn b’investiment ta’ €800,000 ser tinħoloq sistema biex iżuru postijiet li huwa għall-interess tat-turist.
Il-Ministru Silvio Schembri saħaq kif dawn il-proġetti huma parti mill-istrateġija nazzjonali tal-Intelligenza Artifiċjali, bil-għan li ttejjeb il-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Permezz ta’ din l-istrateġija, pajjiżna qed jaspira li kumpaniji internazzjonali jaħdmu f’pajjiżna hawnhekk.
Il-Ministru Schembri nnota kif dawn il-proġetti juru kif it-teknoloġija tolqot lil kull wieħed u waħda minnha.