L-iskola primarja tan-Nadur Għawdex se tinbidel kompletament b’investiment massiċċ ta’ erba’ miljun ewro, biex ikollha ambjent adattat għal edukazzjoni kwalitattiva.
Din l-iskola tifforma parti mill-Kulleġġ t’Għawdex u tinsab f’binja ta’ żewġ sulari mifruxa fuq medda ta’ ħamest elef metru kwadru.
Il-proġett mistenni jibda fix-xhur li ġejjin u se jinvolvi tisbiħ estensiv tal-iskola eżistenti biex ikollha spazji edukattivi moderni, aċċessibbli u komdi kemm għat-tfal u anki għall-edukaturi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, Neville Young, qal li l-proġett se jara l-ħolqien ta’ spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti extrakurrikulari – bħal kamra għaż-żfin, għall-mużika, studjo għat-teatru u klassijiet għall-arti.
Young stqarr, “Dan ix-xogħol ħa jkun jinvolvi r-ristrutturar mill-bidu tal-iskola jiġifieri prattikament l-iskola ħa titħalla biss il-binja bħala struttura mbagħad jinbena kollox mill-ġdid f’dak li huwa relatat mas-servizzi u accomodies oħra.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana, qalet li dan il-proġett mhux importanti biss għan-Nadur u għal Għawdex imma wkoll fuq livell nazzjonali biex jitwassal messaġġ b’saħħtu favur edukazzjoni ta’ kwalità.
Spjegat li sakemm isiru x-xogħlijiet, il-madwar mitejn tifel u tifla u tletin edukatur ta’ din l-iskola, se jiġu rilokati f’partijiet oħra fin-Nadur.
Il-Ministru rrimarkat, “Bħalissa għaddejjin il-preparamenti biex jiġi awarded it-tender u biex ikun hemm proċess ta’ rilokazzjoni tal-istudenti għal partijiet oħra fir-raħal tan-Nadur stess sakemm ikunu qed isiru x-xogħlijiet għaliex qed nitkellmu fuq xogħlijiet estensivi u allura minħabba s-sigurtà tat-tfal ħa jkunu qegħdin jinħarġu minn dawn l-ambjenti sakemm ikunu għaddejjin ix-xogħlijiet biex fis-sena skolastika ta’ wara jkunu jistgħu jidħlu u jgawdu l-ambjenti l-ġodda.”
Dan huwa proġett minn sensiela li jammontaw għal madwar ħamsa u tletin miljun ewro li qed jiġu investiti fl-edukazzjoni f’Għawdex.