Ġie mħabbar il-bini ta’ impjant b’investiment ta’ erba’ miljun ewro min WasteServ, li huwa mmirat sabiex inaddaf l-arja fiż-żona urbana ta’ Raħal Ġdid, b’mod speċjali fin-naħa ta’ viċin l-inċineratur.
L-inċineratur huwa maħsub li kien il-kawża ta’ rwejjaħ xejn pjaċevoli għar-residenti taż-żona, tant li aktar kmieni din il-ġimgħa, id-deputata Laburista Amanda Spiteri Grech, ressqet l-ilmenti tar-residenti quddiem l-Awtorità tal-Ambjent, liema awtorità qed tinvestiga l-każ.
Fuq Facebook, is-Sindku ta’ Raħal Ġdid, Dominic Grima ħabbar li l-ħsibijiet tiegħu u tan-nies tal-lokalità ma waqgħux fuq widnejn torox, hekk kif l-impjant li jnaddaf l-arja se jkun qed jaqbad triqtu lejn pajjiżna sabiex jibda jinbena fiż-żmien li ġej.
Is-Sindku qal li wara taħdidiet mal-WasteServ, issa jista jħabbar li l-impjant se jkun lest sal-aħħar ta’ din is-sena, hekk kif f’Settembru stess għandu jibda jinbena. Spjega kif dan il-proġett huwa l-frott ta’ diversi diskussjonijiet mal-Gvern tul dawn l-aħħar sentejn.
Grima qal li dan l-investiment fil-komunità Pawlista se jkun qed itejjeb il-kwalità tal-arja fiż-żona u anke l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook, huwa rringrazzja liż-żewġ Ministri tal-Ambjent li tħadded magħhom tul dawn l-aħħar sentejn, kif ukoll lill-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca.