B’investiment ta’ madwar erba’ miljun ewro għaddejjin ix-xogħlijiet fuq sala u kumpless sportiv fl-iskola sekondarja f’Santa Luċija.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal kif meta nbniet din l-iskola fid-disgħinijiet ma saruliex gym u sala.
Il-Ministru Bonnici qal kif dan il-proġett se jkun qed jiffaċilita l-ħajja tal-istudenti li jattendu f’din l-iskola li fiha tilqa’ 500 student li qegħdin bejn id-disa’ u l-ħdax-il sena.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni semma kif bħalissa l-Ministeru għaddejjin proġetti oħra fi skejjel madwar Malta u Għawdex, fosthom dik tal-Imsida, tar-Rabat Għawdex, l-iskola sekondarja taż-Żejtun u tal-Qawra, b’din tal-aħħar se tinfetaħ dan ix-xahar.
Is-Surmast ta’ din l-iskola Christopher Higgans qal kif mingħajr dawn il-faċilitajiet l-istudenti ma setgħux jagħmlu P.E. meta tagħmel ix-xita u ma setax ilaqqa’ l-istudenti fl-istess post. Huwa faħħar kif dan il-proġett se jkun qed jiffaċilita l-ħajja tal-istudenti u l-edukaturi f’din l-iskola.