Il-Gvern nieda żewġ skemi oħra b’total ta’ erba’ miljun u nofs ewro biex jgħinu lill-industrija tat-turiżmu u d-divertiment f’pajjiżna anki permezz ta’ reklmar mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Il-Ministru Portelli ħabbret li żewġ miljun ewro minn dawn il-fondi se jkunu allokati għal dawk l-attivitajiet kbar li jsiru f’pajjiżna, li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jattiraw it-turisti għal dawn l-attivitajiet partikolari. Din l-iskema hija miftuħa għall-avvenimenti li se jsiru bejn Awwissu ta’ din is-sena sal-aħħar ta’ April tas-sena dieħla.
It-tieni skema, li hija maqsuma fit-tnejn, se tkun offruta lill-ibliet u l-irħula biex jiġu mgħejjuna f’attivitajiet kulturali. Din l-iskema se tkun miftuħa għall-avvenimenti li se jsiru bejn Awwissu sal-aħħar ta’ din is-sena. L-avvenimenti se jkunu ffinanzjati bi spiża li tibda minn minimu ta’ elf ewro sa massimu ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro. It-tieni kategorija hija mifruxa aktar fuq livell nazzjonali bil-għan li tattira masses ta’ nies inkluż turisti li jkunu f’pajjiżna u jkunu jistgħu jieħdu magħhom esperjenza pożittiva ta’ Malta. Din il-kategorija tkopri ffinanzjar ta’ bejn ħamsin elf u mitt elf ewro. Iż-żewġ skemi se jkunu jistgħu japplikaw għalihom kunsilli lokali, għaqdiet, mhux governattivi u entitajiet privati.
“Dan huwa investiment ta’ €4.5 miljun, nemmnu fih b’mod b’saħħitna għaliex fl-aħħar mill-aħħar se ikun qiegħed jattira tip ta’ turiżmu gdid lejn pajjiżna, imma ukoll għal dawk l-avvenimenti li forsi huma fl-irħula tagħna, fl-ibliet tagħna se ikunu qed iġġibu esperjenza qawwija awtentika ta xinija il-kultura.”
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet ukoll li qed jiddaħħal mekkaniżmu ġdid dwar kif jingħataw dawn l-għajnuniet, fejn inħatar kumitat ġdid ta’ evalwazzjoni magħmul minn tliet membri indipendenti, li se ikunu qed jaraw is-sottomisjonijiet kollha għall-għoti ta’ għajnuniet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmi. li jiġu ppreżentati.
Iċ-chairperson tal-Awtorità, Gavin Gulia se jkun qed jara x-xogħol ta’ dan il-Kumitat li se jżid it-trasparenza fl-għoti ta’ fondi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg saħaq li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tkompli tappoġġja avvenimenti li jiġbdu t-turisti.
Is-sottomissjonijiet għal din l-għajnuna se tibqa’ miftuħa sal-14 t’Awwissu.