Investiment ta’ tliet miljun ewro se jissarraf f’infrastruttura edukattiva aħjar li se jgawdu minnha l-istudenti u l-edukaturi fl-iskola primarja tal-Għarb f’Għawdex.
Dan il-proġett jinvolvi t-tisbiħ estensiv tal-iskola primarja eżistenti, maħsub biex joħloq spazji edukattivi moderni, aċċessibbli u komdi għat-tfal u għall-edukaturi.
Din l-iskola, mibnija fuq sular wieħed, se tingħata dehra kompletament ġdida fuq ġewwa u fuq barra, b’għamara ġdida li tħeġġeġ aktar l-inklużjoni fit-tagħlim.
F’dan il-proġett se jiġu ntrodotti wkoll miżuri effiċjenti fl-enerġija skont kif mitlub mil-liġi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, Neville Young spjega aktar xogħol li se jsir f’din l-iskola.
Qal, “Apparti t-tisbiħ, l-outisde play area se tiġi rinovata mill-ġdid fejn se jiġu nstallati canopies li ġew studjati apposta sabiex jilqgħu mill-elementi tan-natura biex b’hekk, l-istudenti tagħna jkunu jistgħu jgawdu l-outside play areas fl-istaġuni kollha, indipendentament jekk tkunx xemx jew xita.”
Sakemm isir ix-xogħol, it-tagħlim se jingħata fi klassijiet temporanji fl-istess post ta’ din l-iskola, biex it-tfal jibqgħu jitgħallmu fl-ambjent li huma mdorrijin fih.
Is-Sindku tal-Għarb, David Apap innota li din l-iskola ilha inawgurata mill-elf, disa’ mija wieħed u sittin, u qatt ma sarilha xogħol ta’ rinovar f’dawn id-deċenji kollha.
Spjega, “F’isem il-lokalità tal-Għarb, nilqa’ bil-ferħ dan il-proġett li sa fl-aħħar ser isir. Skola li nbniet fl-elf disa’ mija wieħed u sittin u qatt ma rat investiment hekk kbir bħal dan tal-lum.”
Dan il-proġett huwa parti żgħira mill-investiment ferm ikbar ta’ ħamsin miljun ewro li qed isir fl-infrastruttura edukattiva f’Għawdex, u mija u ħamsin miljun ewro oħra f’Malta.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana qalet li b’dawn il-proġetti, il-Gvern qed juri bil-fatti, kif għandha tingħata l-ħajja t-tema tal-Budget għas-sena d-dieħla.
Qalet, “L-impenn ta’ dan il-Gvern meta nitkellmu fuq Malta għal uliedna qed narawh permezz ta’ dan l-investiment li qed nagħmlu fl-iskejjel tagħna li ovvjament ħa jibbenefikaw minnhom l-istudenti tagħna però wkoll l-edukaturi u dawk kollha li jaħdmu ġewwa l-iskejjel tagħna però wkoll anki l-lokalità u l-komunità b’mod ġenerali.”