Produzzjonijiet tal-opri f’Għawdex se jibbenefikaw minn investiment totali ta’ €390,000 mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali , b’kontribut addizzjonali mill-Ministeru għall-Għawdex.
Kemm it-Teatru Astra u kif ukoll it-Teatru Aurora ibbenefikaw mill-Programm Investiment għall-Organizzazzjonijiet Kulturali – Għawdex, immaniġjat mill-Kunsill Malti għall-Arti, liema programm ta’ finanzjament ikopri l-perjodu mill-2022 sat-2024.
Kull teatru se jibbenefika minn €55,000 mill-Kunsill Malti għall-Arti u €10,000 mill-Ministeru għall-Għawdex għal 3 snin konsekuttivi, permezz ta’ dan il-programm, li għandu l-għan li joħloq sħubiji ma’ organizzazzjoniijet Għawdxin li huma involuti u attivi fis-settur kulturali u kreattiv.
Il-programm ikopri attivitajiet li se jsiru fl-2022, 2023 u 2024, u hemm total ta 7 organizzazzjonijiet Għawdxin li bbenefikaw minn din is-sejħa.
Din kienet l-ewwel sejħa tal-ICO-Għawdex, hekk kif qabel din is-sejħa kienet magħruf bħala l-Programm ta’ Għajnuna Kulturali għal Għawdex. Grazzi għaż-żewġ inizjattivi, l-investiment totali f’organizzazzjonijet Għawdxin li huma attivi fis-setturi kulturali u kreattivi bis-saħħa ta’ dawn il-programmi bejn l-2016 u l-2024 se jkun ta’ €2,385,000.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li minkejja li għandha ftit iktar minn 30,000 ruħ, il-gżira Għawdxija għandha żewġ teatri tal-Opri li kull wieħed minn tal-inqas itellgħu opra fis-sena ħafna drabi b’solisti internazzjonali.
Fil-fatt, l-istaġun tal-opri llum il-ġurnata huwa appuntament regolari għad-dilettanti tal-Opra.
Il-Ministru Camilleri semma kif ix-xahar tal-opra f’Għawdex, Ottubru, huwa opportunità kbira għall-Għawdxin stess, li għandhom talenti artistiċi kbar, biex jgħaqqdu u jiffurmaw parti minn cast ta’ kalibru għoli li jiġi Għawdex apposta għal avvenimenti bħal dawn tant imfittxija.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar din il-kisba u qal li permezz tagħha, l-Gvern qed ikompli jiżgura li kull forma t’arti tkun rikonoxxuta, inkluż is-settur operistiku li fih pajjiżna qed jiddistingwi ruħu.
Il-Ministru Bonnici għamel referenza wkoll għall-Politika Kulturali Nazzjonali, li tpoġġi fuq quddiem l-importanza ta’ Għawdex li hu kulturalment distint, hekk kif imsemmi f’waħda mill-prijoritajiet tagħha.
Aktar informazzjoni u r-riżultati ta’ din is-sejħa fuq il-programm tinstab fuq www.artscouncil.mt, taħt is-sezzjoni tal-fondi u opportunitajiet.