Permezz ta’ investiment ta’ €34,000, il-gvern espanda s-servizzi li jingħataw lill-anzjani fid-djar residenzjali tal-Gvern, permezz tal-akkwist ta’ erba’ magni tal-ECG.
Dan it-tagħmir mediku huwa essenzjali fl-evalwazzjoni u d-dijanjożi tal-mard tal-qalb, li sfortunatament huwa fost l-aktar mard komuni fost l-anzjani madwar id-dinja.
Permezz ta’ dawn il-magni, kull resident fid-djar residenzjali se jkun qed jingħata test kull sena, u b’hekk mard marbut mal-qalb jista’ jiġi identifikat aktar malajr.
Dan kollu se jkun qed isir mingħajr il-bżonn li pazjent ikollu jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei, u b’hekk l-anzjani jkunu jistgħu jgħixu b’mod aktar komdu.
Waqt konferenza tal-aħbarjiet, il-MInistru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, fisser kif dan l-investiment imur id f’id mal-kampanja ‘Ngħidu Le għall-Puplesija’, li qed tqajjem aktar għarfien fuq is-saħħa tal-qalb.
Huwa stqarr li ħidma bħal din hija kruċjali sabiex tiġi indirizzata din il-pjaga tas-saħħa li tolqot lil eluf ta’ nies madwar id-dinja.
“Min-naħa ta’ prevenzjoni kellna inizjattiva li nippruvaw innaqqsu r-rata ta’ puplesiji f’Malta u Għawdex. L-apparat li ixtara għal kull dar tal-anzjani tal-Gvern ġewwa Malta se jwassal biex inkunu nistgħu nsibu problemi tal-qalb li jistgħu ijasslu għal puplesija. Allura, dawk aħna se nipprevenuhom.”
Ħabbar ukoll li s-servizz ta’ kura paljattiva ġie estiż għad-Dar Residenzjali tal-Mellieħa – dan is-servizz kien beda bħala proġett pilota inqas minn sena ilu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, Renzo Degabriele, spjega li dan is-servizz importanti se jkun ta’ utilità kbira għal dawk il-persuni li jkunu waslu lejn it-tmiem tal-ħajja.
“Id-djar kollha tal-Gvern issa qigħdin joffru dan is-servizz lir-residenti tagħhom u għalhekk m’għandhomx għalfejn joqogħdu ġejjin u sejrin lejn Mater Dei meta jkunu waslu fl-aħħar żmien ta’ ħajjithom ,u allura jkun ta’ skumdità kbira għalihom.”