Aġenzija Żgħażagħ investiet tletin elf ewro biex ittejjeb l-operat fil-Youth Cafe tal-Imsida, u tkun tista’ torganizza numru ta’ programmi li jtejbu l-ħiliet taż-żgħażagħ u jgħinuhom jisfruttaw il-potenzjal tagħhom.
Dan l-investiment wassal biex dan is-sajf, l-Aġenzija nediet żewġ programmi mmirati għal żgħażagħ li jixtiequ jesperjenzaw id-dinja tar-radju u l-fotografija.
B’kollox, sitta u tmenin żagħżugħ u żagħżugħa ħadu sehem f’dawn il-programmi.
Żagħżugħa li pparteċipat fissret il-kunfidenza li kisbet biex tuża ċertu tagħmir, fl-istess waqt li fehmet x’tinvolvi l-produzzjoni ta’ programmi fuq ir-radju.
Hija qalet, “Tgħallimt kif ikolli iktar kunfidenza biex nuża dawn l-affarijiet, dan l-equipment u kif nużah ukoll. Tgħallimt ukoll kif nippjana programm bħal dan għax jien ma kontx naf u kif jaħdmu dawn l-affarijiet għax inti fil-verità meta tkun qed tisimgħu ma taħsibx fl-affarijiet li jkunu qegħdin jgħaddu minn wara u l-affarijiet li jkunu qegħdin jgħidu u jaħdmu fuqhom u hawnhekk stajna nitgħallmu fuq hekk u kif naħdmu hands on ma’ ħafna nies differenti u ħadt ħafna pjaċir.”
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li dan huwa eżempju ċar ta’ kif qed jingħataw opportunitajiet b’mod tanġibbli liż-żgħażagħ biex jgħinuhom ifasslu l-futur tagħhom.
Huwa stqarr: “L-Aġenzija nediet programm bl-isem ta’ Sound On fejn hawnhekk jingħata taħriġ liż-żgħażagħ ta’ kif ikunu jistgħu jipproduċu u jxandru programmi tar-radju u allura huwa eżempju ċar u tanġibbli ta’ kif qegħdin nagħtu opportunitajiet li permezz tagħhom, iż-żgħażagħ jiżviluppaw u jesperjenzaw dawn it-tip ta’ inizjattivi li jgħinuhom għall-futur tagħhom.”