B’investiment ta’ €30,000, għaddej xogħol ta’ tisbiħ fir-residenza ‘Dar il-Fjuri’ fir-Rabat Għawdex, li titmexxa mill-Aġenzija Sapport.
Dar il-Fjuri twaqqfet fl-2016 permezz tal-proġett Soċjetà Ġusta, u qed iżżomm fi ħdanha disa’ persuni b’diżabilità li l-età tagħhom tvarja bejn il-21 sena sa 71 sena.
Dawn jirċievu servizz 24 siegħa kuljum fosthom ta’ assessjar kontinwu u interventi terapewtiċi.
Barra minn hekk, ir-residenti jipparteċipaw f’diversi attivitajiet matul il-jum bħal dawk fil-Learning Hub f’Għajnsielem.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Ruth Sciberras stqarret kif l-immodernizzar li għaddej f’Dar il-Fjuri qed ikompli jtejjeb il-faċilitajiet u s-servizzi offruti f’din ir-residenza.
Sciberras stqarret, “Noffru servizzi bħal physiotherapy u anki occupational therapy u servizzi oħra u appuntamenti li jkollhom bżonn.”
Il-Ministru responsabbli mis-settur tal-inklużjoni u l-kwalità tal-ħajja, Julia Farrugia Portelli saħqet kif dan l-investiment kontinwu jkompli jenfasizza l-ħidma tal-Gvern biex jgħin persuni b’diżabilità jkomplu jgħixu ħajja aktar indipendenti.