B’investiment ta’ €30 Miljun mill-Fondi Soċjali Ewropej 2014-2020 se jkunu qed jiġu mwettqa 6 proġetti.
Wieħed minn dawn il-proġetti huwa l-‘Endeavour Scholarships Scheme’ – b’valur ta’ €7.5 miljun li se jgħin persuni li jixtiequ jtejbu l-livell akkademiku tagħhom. Dan il-proġett se jkun qed jagħti importanza partikulari lill-oqsma tar-riċerka tax-xjenza, t-teknoloġija u l-inovazzjoni f’Malta.
Dan ħabbru is-Segretarju Parlamentari Dr Ian Borg matul konferenza fil-Berġa ta’ Aragona. Fid-diskors tiegħu Ian Borg saħaq fuq l-importanza li nsaħħu l-aqwa riżors li għandu dan il-pajjiż – ir-riżors uman.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet ingħataw aktar dettalji dwar kull proġett. Proġett minnhom – b’kollaborazzjoni mal- Korporazzjoni ta’ Xogħol u t-Taħriġ (ETC) – se jkollu valur ta’ madwar €6.5 Miljuni u se jiffokaw fuq persuni bla impjieg li wkoll jinkludu persuni ta’ ċertu eta’ u nisa b’attivitajiet ewlenija bħal: Skema t’ espożizzjoni għall-opportunijiet tax-Xogħol, Skema tal-Apprendistat kif ukoll Skema ta’ ‘work placement’.
Proġett l-ieħor huwa ‘NEET’ li se jkun qed jiffoka fuq żgħażagħ billi jipprovdi taħriġ u assistenza personalizzata lil żgħażagħ f’riskju ta’ esklużjoni soċjali u li huma f’riskju li jsibu ruħhom fit-tul bla xogħol.
Waqt li rringrazzja lill-Awtorita ta’ Ġestjoni tal-Fondi Ewropej (PPCD), is-Segretarju Parlamentari Ian Borg feraħ lill-benefiċarji kollha u awguralhom fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti. Huwa temm jgħid li dawn il-proġetti ser jkomplu jgħinu l-ekonomija Maltija tkompli tinbena fuq rizorsi umani b’saħħithom, b’nies mħarrġa u kompettitivi fil- qasam tax-xogħol, li jrendu lill-pajjiż aktar reżiljenti għall-isfidi tal-futur.