Proġett ta’ tliet miljun ewro fi proġett pilota ambjentali f’Ħal Qormi, il-Ħamrun u l-Mosta, se jara li żoni urbani li huma toroq prinċipali jitħaddru. Id-disinn ideali se jkun qed jintagħżel wara kompetizzjoni bl-isem Design and Build, abbażi tal-mod kif se jkun imħares l-ambjent tal-komunitajiet.
Il-President tal-Kamra tal-Periti Simone Vella Lecker qalet li b’hekk, dan l-investiment huw wkoll opportunità għall-periti biex iunu kreattivi f’xogħolhom.
Is-Sinjura Vella spjegat: “Dan huwa pass importanti għaliex aħna nemmnu illi l-fondi tal-gvern meta jkunu ser jintefqu għandhom jintefqu bl-aħjar mod u allura dik li tingħata l-opportunità lil periti joħolqu l-aħjar disinji b’fondi illi huma allokati huwa pass importanti biex dan jintlaħaq.”
Il-proġett se jkun qed isir grazzi għall-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali u l-Programm għall-Investitur Individwali.
Il-Ministru għall-Ippjanar Aaron Farrugia saħaq li l-Gvern huwa kommess li joħloq ambjent aħjar għar-residenti u l-komunitajiet, filwaqt li tkun żgurata ħajja aħjar għal kulħadd.
Huwa stqarr: “Allura ser nimxu għall-kunċett ta’ green to green f’postijiet bħal dawn illi għandi warajja fejn illum huma griżi f’għajnejn il-poplu ser inħaddruhom biex b’hekk il-pajsaġġ Malti insebbħuh u narawh isbaħ milli hu.”
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat tenna li permezz ta’ dan il-proġett se tinħoloq infrastruttura ħadra ġdida.
Huwa qal: “Qed ngħidu l-Mosta, l-Ħamrun u Ħal Qormi u ħa nħallu f’idejn il-periti biex ikunu kreattivi, noħolqu infrastruttura ħadra ġdida u bla dubju allura nkunu qed ntejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħna.