Investiment privat fil-manifattura tal-ħadid ra l-bini t’impjant ġdid f’Ħal Far.
L-impjant inbena b’investiment ta’ €3 miljun fuq art ta’ madwar 3,500 metru kwadru li għaddiet minn INDIS Malta għal għand General Maintenance Ltd.
Dan l-investiment se joħloq madwar għoxrin impjieg ta’ kwalità ġdid, fosthom għal inġiniera, disinjaturi u persuni li jaħdmu fuq sistemi li jipproduċu dan il-materjal.
Waħda mid-diretturi tal-kumpanija, Denise Abela stqarret kif apparti l-investiment fl-infrastruttura, dan se jkun investiment ukoll fil-ħaddiema tal-istess kumpanija.
Abela sostniet, “Aħna nemmnu li parti mis-suċċess tagħna huma n-nies, jiġifieri inutli li ninvestu fil-bini u ma ninvestux fin-nies. L-għan tagħna jiġifieri li dejjem inkomplu ningaġġaw nies ġodda jaħdmu magħna, nemmnu li kulħadd għandu l-kapaċità tiegħu differenti li ħa tgħin biex inkomplu nikbru bħala kumpanija.”
Id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija, Matthew Camilleri tkellem fuq l-ambizzjoni tal-kumpanija.
Camilleri rrimarka, “Aħna qed naraw illi apparti x-xogħol lokali nimirħu fit-territorju kemm Ewropew kif ukoll dak tal-Afrika ta’ Fuq. Is-setturi tagħna huma prinċiparjament iż-żejt u l-gass, li noffrulhom xogħlijiet ta’ welding, pipelines, manifattura tal-linji ġodda.”
Fi żjara li għamel fuq il-post il-Ministru għall-Industrija, Silvio Schembri saħaq kif dan huwa parti mill-ħidma tal-Gvern li jiżgura l-aqwa użu ta’ art biex takkomoda aktar investiment.
Il-Ministru Schembri qal, “Din hija r-reżiljenza tal-ekonomija Maltija speċjalment fejn tidħol il-manifattura u l-industrija, minkejja l-pandemija u aktar u aktar waqt il-pandemija kienet għaddejja xorta ħidma minn wara l-kwinti sabiex naraw li l-intrapriża u l-investituri lokali ikomplu jinvestu ġewwa pajjiżna ħalli jkomplu joħolqu l-opportunitajiet.”