Investiment ta’ tliet miljun u ħames mitt elf ewro se jwassal biex wara snin twal ta’ stennija, it-toroq tax-xatt ta’ Buġibba jieħdu r-ruħ wara li għal snin twal tħallew fi stat ta’ telqa.
Dan hekk kif fi ftit ġimgħat, minn wara l-festi tal-Għid, se jibda xogħol ta’ manutenzjoni fejn se jsir ‘re-surfacing’ tat-toroq li jagħmlu parti mid-dawra tal-kosta ta’ Buġibba.
Dan il-proġett se jinqasam f’ħames fażijiet.
L-ewwel fażi minn Triq il-Knisja sa Triq Santa Marija. It-tieni fażi minn Triq Santa Marija sa Misraħ il-Bajja. It-tielet fażi minn Misraħ il-Bajja sal-Akkwarju Nazzjonali. Ir-raba fażi mill-Akkwarju sa Triq l-Istammar u l-ħames u l-aħħar fażi minn triq l-Istammar sa Triq il-Fugass.
Il-Ministru għat-trasport u l-infrastruttura, Joe Mizzi fisser għaliex ix-xogħol se jkun qed jinqasam filwaqt li kien assigurat li x-xogħolijiet mhux se jtellfu mill-‘peak season’ tas-Sajf.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li “se jsiru fażi fażi dan għaliex ma tistax taqbad u tagħlaq kullimkien. Għalekk bilfors trid tqassmu f’fażi, jiġifieri biex ix-xogħol isir kif għandu jsir u ma jkunx ta’ inkonvenjent għat-turiżmu biex din l-industrija tibqa’ għaddejja bla tfixkil u anke għan-nies li jużaw dawn l-akwati.”
Qal ukoll li f’din iż-żona se jitwaħħlu kameras tas-sigurtà u fakkar kif se isir tindif mid-Dipartiment tat-tindif darbtejn kuljum.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-turiżmu Edward Zammit Lewis elenka l-importanza ta’ din iż-żona strateġika għat-turiżmu ta’ pajjiżna.
Zammit Lewis qal li “din iż-żona hija importanti għax fl-2016 laqgħet 430,000 turist li għamlu tliet miljun u nofs iljieli u li nefqu tliet mija u sittin miljun fl-2016 jiġifieri hija żona importantissima, l-investiment irid jibqa’ għaddej. Is-settur privat qed jirrispondi u huma kunfidenti li din iż-żona mhux se tibqa’ kif kienet fi żmien l-amministrazzjoni l-oħra.”
Ħabbar ukoll li Frar li għadda waslu pajjiżna ’l fuq minn mitt elf turist, u li sa tliet ġimgħat oħra, pajjiżna għandu jistenna ’l fuq minn sebat elef turist għall-festival Lost and Found li se jsir għat-tielet sena konsekuttiva.
Ma naqsitx ukoll ir-reazzjoni pożittiva mill-assoċjazzjoni Maltija tal-lukandi u r-ristoranti li nnutaw kif il-kontribuzzjoni ambjentali qed isservi biex tgħin għal embellishment projects.