B’investiment ta’ żewġ miljun ewro se tiġi rriġinerata ż-żona tal-Għadira fil-Mellieħa.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg, fejn f’konferenza tal-aħbarijiet, bil-bajja tal-Għadira fl-isfond, huma qalu li ta’ kull sena din il-bajja miksija ramel tiġbed lejha eluf ta’ nies biex jitpaxxew bil-baħar Malti, u għalhekk dan il-proġett huwa wieħed bżonnjuż u li minnu se jgawdi kulħadd.
Fost ix-xogħlijiet li se jsiru f’dan il-proġett hemm ir-rikostruzzjoni tax-xatt, taż-żoni pedonali, tisbiħ tar-roundabout, ambjent aħjar hekk kif se jitħawwlu aktar siġar, aktar aċċessibilità, faċilitajiet sanitarji ġodda u anke wifi b’xejn għal kulħadd.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clyton Bartolo qal kif proġetti simili ta’ dan li qed isiru madwar il-pajjiż mistennija jiġbdu lejn l-irħula u bliet Maltin aktar turisti.
“F’ħidma konġunta anke flimkien ma’ entitajiet oħra fil-Gvern qegħdin naraw illi jkollna dejjem iżjed kwalità fil-prodott turistiku tagħna. L-għan tagħna jibqa’ wieħed dik li t-turist u anke l-Malti noffrulhom esperjenza ta’ kwalità meta jżur dawn il-postijiet.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg qal kif ix-xogħlijiet infrastrutturali jwasslu wkoll biex jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lill-Maltin, Għawdxin u anke turist li jżuru lil pajjiżna.
“Infrastruttura Malta qed nassistu Ministeri oħra, f’dan il-każ it-turiżmu li huwa importanti għal pajjiżna li tant hu importanti waqt il-pandemija indunajna x’effetti iħalli ekonomiċi u finanzjarji mhux biss għad-dħul tal-Gvern iżda anke l-familji u negozji li jiddepend fuq it-turiżmu u allura rridu nagħmlu upgrade l-prodott turistiku.”
Dan il-proġett se jwassal biex din iż-żona tkun ħajja wkoll matul is-sena kollha u mhux biss fix-xhur sħan tas-sajf.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal kif ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett mistennija jibdew f’Ottubru li ġej u jispiċċaw f’Marzu tas-sena d-dieħla.