Ġiet installata sistema ġdida ta’ ‘chillers’ fid-dar tal-anzjani ta’ Bormla. Dan b’investiment ta’ €292,000 wara li l-ħtieġa ta’ dan il-proġett instabet fi proċess ta’ assessjar mid-direttorat tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Waqt dan il-proċess qed ikunu identifikati l-ħtiġijiet infrastrutturali jew oħrajn relatati mal-proviżjoni tas-servizz fid-djar kollha tal-anzjani tal-Gvern.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia spjega kif fi żmien fejn id-Direttorat qed jaffaċja spejjeż kbar minħabba l-pandemija, xorta waħda kompla jsir l-investiment fi kwalità aħjar tas-servizz li jingħata fid-djar tal-anzjani.
Huwa stqarr kif dan il-proċess ta’ assessjar li sar mid-direttorat kien kruċjali sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati xi nuqqasijiet.
“Minkejja l-perjodu tal-pandemija konna kkonċentrati ħafna b’mod speċjali dawn l-aħħar tlieta, erba’ xhur fuq it-tilqim tal-anzjani u wkoll il-ħaddiema fid-djar tal-anzjani, għamilna evalwazzjoni. Għamilna evalwazzjoni tal-bżonnijiet illi hemm illi jsiru fid-djar tal-anzjani ħalli nagħmlu dawk il-bidliet għall-aħjar illi hemm bżonn illi jsiru.”
Huwa spjega wkoll kif is-sistema ta’ arja kkundizzjonata nstallata hija waħda effiċjenti u li għalhekk tnaqqas l-impatt fuq l-ambjent ta’ madwarna.