Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, ħabbar investiment ta’ madwar €27 miljun li, permezz tiegħu, se jkun qed jibbenefika l-Isptar Mater Dei, b’mod speċjali d-Dipartiment tal-Emerġenza u t-Taqsima tal-Kura Intensiva, l-ITU, kif ukoll il-kampus il-ġdid tal-Isptar San Luqa.
Matul preżentazzjoni, ġie spjegat kif se tkun qed isseħħ ir-riġenerazzjoni tal-Emerġenza ta’ Mater Dei. Fil-fatt, ġew identifikaw tliet binarji interessanti li l-Ministeru għandu jagħfas fuqhom – il-ħin ta’ stennija fl-Emerġenza; il-bżonn li jinħoloq aktar spazju u li jiżdiedu aktar kliniċi f’Mater Dei; u li jiżdiedu wkoll aktar sodod fis-swali tal-ITU.
F’temp ta’ tliet snin, u b’investiment ta’ €17-il miljun, l-Emerġenza se tkun qed tespandi b’żieda ta’ sular u espansjoni fuq barra.
Fil-fatt, it-tletin cubicle eżistenti issa se jkunu qed jiżdiedu għal sebgħin, bi pjan li dawn l-espansjonijiet se jkunu qed jaqdu lil pajjiżna għal mill-inqas l-għoxrin sena li ġejjin. Biex jikkumplimenta dan, se jkun qed isir investiment fil-parkeġġ biswit l-Emerġenza ta’ madwar €2.3 miljun.
Il-Ministru ħabbar li l-ħin ta’ stennija fl-Emerġenza se jkun qed jiġi indirizzat permzz ta’ call centre ġdid bin-numru 1400, fejn dan se jkun qed jassisti lil dawk li jkollhom jiddiskutu sintomi ma’ speċjalist qabel ikollhom bżonn xi assistenza mill-Emerġenza.
Tħabbar ukoll li ħaddiema minn pajjiżi terzi fl-ewwel sena tagħhom se jkunu qed jingħatalhom polza fuq l-assigurazzjoni tas-saħħa.
Biex jitnaqqas il-ħin ukoll għal pazjenti b’Emerġenza minn Għawdex, il-Ministru ħabbar li se jkun qed jinbena helipad ġdid.
Rigward il-problema fis-sodod, tħabbar li se jkun qed issir rilokazzjoni tal-filing area għal sistema diġitali li se tkun qed tieħu madwar sentejn, rilokazzjoni tal-iskejjel f’Mater Dei għal laboratorji ġodda fil-kampus ta’ San Luqa f’temp ta’ bejn tlieta u ħames snin, kif ukoll ir-rilokazzjoni tal-Out Patients għall-Isptar Karin Grech f’temp ta’ bejn tlieta u ħames snin ukoll.
B’hekk, fuq medda ta’ ħames snin, is-sodod għall-in patients biss se jkunu qed jiżdiedu għal madwar 600 sodda.
Minħabba l-problemi fis-swali tal-ITU, li attwalment, il-120 sodda preżenti qed jittieħdu kważi kollha, tħabbar investiment anċillari ta’ madwar seba’ miljun ewro (€7 miljun) bl-iskop li n-numru ta’ sodod se jkun qed jiżdied b’madwar 40% minn dak li hemm bħalissa.
Sadanittant, swali tal-konferenzi se jinqalbu għal kmamar tal-ITU biex jinħoloq aktar spazju għal aktar sodod.
Minbarra dan kollu, il-Ministru fakkar ukoll li se jkun qed isir investiment għal taqsima speċjalizzata fil-kura tas-saħħa mentali, b’investiment ieħor ta’ madwar €33 miljun.
F’kumment ma’ ONE News, il-Ministru Abela elenka kif dan l-investiment massiċċ se jkun qed ikompli jsaħħaħ il-qasam mediku ta’ pajjiżna, b’mod partikolari l-Isptar Mater Dei.
“Il-Gvern għandu pjan ta’ azzjoni ħolistiku, ikkumplikat, li ovvjament jiswa ħafna flus, imma dan hu l-pjan, hu l-viżjoni li ħa twassal lil pajjiżna f’dan is-settur daqshekk sensittiv tas-saħħa fis-snin li ġejjin. Tkellimna fuq l-Emerġenza, tkellimna fuq l-ITU, tkellimna fuq sodod aktar għal Mater Dei, tkellimna wkoll – u tajna daqsxejn ħjiel – ta’ x’biħsiebna nagħmlu fl-Isptar San Luqa.”