Numru ta’ interventi li ser isiru fil-Park Nazzjonali tas-Salina ser itejbu l-istat u l-aċċessibilità tal-park. Dan b’investiment ta’ €250,000 minn Ambjent Malta.
Id-Direttur ta’ Proġetti Ambjentali Josianne Muscat fi ħdan Ambjent Malta spjegat kif l-interventi jinkludu l-installazzjoni ta’ art tal-gomma ġdida u turf sintetiku u r-restawr tal-monument ta’ John F. Kennedy fost l-oħrajn.
Hija qalet, “Dawn ix-xogħlijiet jikkonsistu f’bini ġdid ta’ faċilitajiet sanitarji, ħa nagħmlu wkoll upgrading ta’ bankijiet tal-picnic kemm ġodda kif ukoll dawk eżistenti, ser nagħmlu wkoll sensiela ta’ CCTV cameras, sabiex inżidu wkoll is-sigurtà f’dan il-park, kif ukoll ħa nirranġaw ir-rubber matting u t-turf li diġa hemm eżistenti fejn hemm il-logħob tat-tfal.”
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia spjega kif dan il-proġett jimxi id f’id ma’ numru proġetti oħra ta’ restawr u riġenerazzjoni li għaddejjin madwar pajjiżna. Huwa stqarr kif iż-żoni ta’ rikreazzjoni huma dawk li jagħmlu ilkomunitajiet tagħna ħajjin – jipprovdu ambjent aħjar u jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
Huwa sostna: “Dawn kollha huma xogħlijiet li huma parti minn proġett ferm ikbar, li nagħtu postijiet isbaħ ta’ rikreazzjoni għall-familji Maltin u Għawdxin.”