Bħala parti minn proġett b’investiment ta’ €25 miljun se jiġu estiżi l-mollijiet ta’ Pinto 4 u 5 u se jsir il-bini mill-ġdid tax-xatt ta’ Lascaris. Dan l-investiment se jifforma ukoll rmiġġ kontinwu ġdid fiż-żewġ żoni.
Ħabbar dan il-Ministru responsabbli mit-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, waqt żjara li għamel fuq ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa, fejn spjega l-importanza ta’ dan il-proġett massiċċ.
“Il-moll se jkun qed iservi għall-akbar bastimenti, inklużi cruise liners, bastimenti tal-merkanzija, għaliex wara x-xogħol li se jsir il-moll se jikber u allura se jkollox il-faċilità li tilqa’ l-akbar bastimenti fil-Port il-Kbir, inkluż f’din iż-żona.”
Dan il-proġett se jkun qed itejjeb l-effiċjenza ta’ dan il-Port filwaqt li lill-awtoritajiet marittimi lokali se jkun qed jipprovdilhom ferm aktar flessibbiltà u disponibbiltà biex jiġu użati mollijiet oħra fl-istess żona.
Il-Perit tal-Proġett, Janice Borg, spjegat li l-estensjoni taż-żona l-ġdida tal-moll se tkun qed issir fuq medda ta’ 5,200 metru kwadru. Il-moll se jkollu l-kapaċità li jirmiġġa bastimenti sa tul ta’ 320 metru u sa 10 metri fond fil-baħar.
“Qed noħorġu ’l barra u nagħmlu estensjoni tal-moll ta’ Pinto b’madwar 15-il metru. Se nagħmlu mill-ġdid ukoll il-moll ta’ Lascaris, li bħalissa jinsab f’qagħda mhux daqshekk tajba u fl-aħħar, ladarba l-proġett ikun lest, se jkun hawn moll kontinwu ta’ madwar 350 metru. Hawnhekk f’din iż-żona jkunu jistgħu jidħlu, isorġu, vapuri li t-tul tagħhom ikun ta’ 320 metru.”
Ġie spjegat ukoll kif dan il-proġett jinkludi t-tqegħid ta’ pjattaformi ta’ 200 metru u t-tiswija ta’ strutturi eżistenti.
L-aġenzija Infrastructure Malta se tkun qed tipproteġi wkoll il-ħitan tal-baħar eżistenti u dawk ġodda, permezz tat-tqegħid ta’ materjal speċjali li se jservi ta’ protezzjoni mill-kurrent u l-ħsara mill-ilma baħar.
Se jsiru tibdiliet fil-wiċċ tal-art biex taċċerta li ma jinġabarx l-ilma maħmuġ, flimkien ma’ xogħol ġenerali ieħor ta’ pavimentar, filwaqt li se jiġu introdotti numru ta’ faċilitajiet oħra, fosthom l-installazzjoni ta’ diversi ċnut biex jiġi limitat l-aċċess fejn mhux suppost, u sistema ġdida ta’ dawl permezz tal-installazzjoni ta’ arbli ġodda.