F’sentejn, l-aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta investiet €213-il mijun fit-toroq Maltin.
Din is-sena, l-entità għandha pjanijiet li twettaq proġetti li jammontaw għal €110 miljun.
Permezz ta’ dawn il-fondi governattivi u Ewropej, Infrastruttura Malta qiegħda twettaq proġetti kbar kemm f’toroq arterjali kif ukoll f’toroq rurali.
Is-sena l-oħra sar investiment ta’ erbgħa u sittin miljun ewro fuq toroq arterjali f’aktar minn 14-il proġett.
Dan filwaqt li l-entità għaddejja bl-investiment estensiv tagħha ta’ 700 miljun li ser jara l-bini mill-ġdid tat-toroq residenzjali fuq medda ta’ 7 snin.
Permezz ta’ dan l-investiment, fl-ewwel sena biss, tlestew 130 triq. Sadanittant bħalissa għaddej ix-xogħol fuq 50 triq oħra u fiż-żmien li ġej se jibda x-xogħol fuq 150 triq oħra.
Dan apparti xogħolijiet kontinwi ta’ manutenzjoni f’diversi toroq flimkien ma’ interventi urġenti minħabba ħsarat li jinqalgħu.
Minkejja dan, l-investiment mhux isir biss fuq it-toroq iżda s-sostennibilità qiegħda tiġi mħarsa bil-pontijiet tal-mixi u r-roti u t-tħawwil ta’ eluf ta’ siġar.