Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis, illum żaru l-lokalità ta’ Santa Venera biex iħabbru ftehim bejn l-Awtorità tad-Djar u l-Kunsill Lokali għar-rinnovar ta’ 4 blokok ta’ housing soċjali. Dan isegwi t-tisbiħ ta’ żewġ blokok oħra li bbenefikaw fl-2018, biex b’hekk l-investiment totali jitla għal kważi €35,000.
Ix-xogħlijiet li jsiru fil-partijiet komuni tal-blokki jintagħżlu mir-residenti stess permezz ta’ amministratur u fost oħrajn jinkludu tibdil ta’ madum imkisser, xogħlijiet fuq ħitan u soqfa, installazzjoni ta’ light-fittings u intercom, u bdil ta’ aperturi.
Xogħlijiet li fi kliem is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes se jkun qed joffri kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti u jgħin fir-riġenerazzjoni ta’ dawn il-blokok li nbnew għexierien ta’ snin ilu.
“Dan hu parti minn programm ambizzjuż biex nagħtu ħajja ġdida lill-binjiet tagħna. Bħal kull familja li tieħu ħsieb id-dar, il-Gvern hekk ukoll irid jagħmel b’dawn il-binjiet,” sostna l-Onor. Roderick Galdes.
Dan mhux l-unika investiment li qed igawdu minnu l-familji li jgħixu f’Housing Estates f’Santa Venera, hekk kif tliet blokok oħra se jibbenefikaw minn xogħlijiet għal aktar aċċessibilità fosthom permezz ta’ installazzjoni ta’ lifts ġodda u rampi.
B’hekk, f’dawn is-sentejn il-Gvern se jkun intervjena f’9 blokok, li jammontaw għal nofs il-blokok li hemm f’Santa Venera.
Permezz tar-rinnovar f’6 blokok u t-titjib fl-aċċessibiltà ta’ 3 blokok, hu maħsub li 65 familja se jibbenefikaw minn dawn ix-xogħlijiet.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll is-Sindku ta’ Santa Venera Stephen Sultana, u l-kunsilliera lokali.