Madwar 200 tifel u tifla li jattendu l-kamp ta’ taħrig tal-Klabb tal-Futbol ta’ Swieqi United issa se jgawdu minn titjib li sar b’investiment ta’ €20,000 f’manutenzjoni u wkoll bdil tad-dawl kollu tal-grawnd.
L-Akkademja tal-futbol ta’ dan il-Klabb tgawdi popolarità u matul dawn l-aħħar snin rat iktar tfal jattendu għal dawn il-kampijiet ta’ taħriġ f’wieħed mill-iktar sport popolari fil-Gzejjer Maltin: il-futbol u wkoll sport li qed jikber fil-popolarità, l-futsal.
Id-dawl il-ġdid, li kien ilu jinħass il-bżonn tiegħu, kien inawgurat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima fil-jiem li għaddew.
L-inawgurazzjoni saret fil-prezenza ta’ uffiċjali tal-klabb, fosthom il-President ta’ Swieqi United FC, Dr Justin Fenech u wkoll is-Sindku ta’ Pembroke, Dr Dean Hili u wkoll rappreżentanti tat-timijiet ta’ kull età tal-klabb.
Dr Fenech irringrazzja lill-Ministru Grima tal-appoġġ biex il-proġett setà jsir realtà, li minn naħa tiegħu semma kif il-Ministeru, anki permezz ta’ Sport Malta jara li jagħti sostenn lill-għaqdiet u assoċjazzjonijiet sportivi biex dan is-settur ikompli javvanza.
Dr Grima fakkar li dalwaqt f’pajiżna jkollna żewġ avvenimenti kbar li mhux biss se jiswew biex isem Malta jkompli jitpoġġa fuq il-mappa sportivi dinjija, imma wkoll se jkunu opportunità biex l-atleti u sportivi lokali jkabbru l-esperjenza sportiva tagħhom flimkien ma’ atleti u sportivi minn madwar id-dinja.